Il-probation fiha diversi vantaġġi.
Dan huwa s-sentiment ta’ persuna li bħalissa tinsab fuq probation, hekk kif huwa ta’ kuljum qed ikun iggwidat minn uffiċjal li jgħin lil din il-persuna.
Din il-persuna stqarret, “Eżempju l-probation officer tiegħi nkun ħafna miegħu u hemm xi ħadd li qed jispjegali. Mhux ħriġt barra mill-ħabs u qisu m’hemm ħadd u ġieli jkollu konflitti mal-mara, mat-tfal u ma min ħa ddur, specjalment jekk ma jkollokx familja.”
Din il-persuna spjegat ukoll kif il-probation jgħin biex dak li jkun iġib lura kwalitajiet meħtieġa għal ħajja kemm jista’ jkun normali.
Il-persuna kompliet tgħid, “Hemm ħafna affarijiet hu, il-presentation tgħodd ħafna. Ċertu nies li forsi ma jagħtux każ. Jien naħseb li l-presentation, etiquette quddiem in-nies u dawn l-affarijiet huma għodda important għas-soċjetà għax meta tmur tiltaqa’ ma’ diversi nies.”
Il-probation beda f’pajjiżna fl-1957. Hekk kif il-Qorti tiddeċiedi s-sentenza, tordna x’servizzi se tkun qed tagħmel dik il-persuna. Is-sentenza ta’ probation tingħata f’każijiet bħal abbuż tad-droga, ta’ vjolenza domestika u f’każijiet ta’ abbuż ta’ tfal.
L-uffiċjal tal-probation Maria Mifsud qalet li meta l-persuna tingħata probation huma jibdew isegwu l-istorja ta’ kull persuna.
Mifsud stqarret, “Kull klijent għandu care-plan differenti, fejn aħna naħdmu ma agenziji oħra, jiġifieri jekk għandek klijent, jiġifieri jekk persuna għandu problema bid-droga, jekk għandu needs psikjatriċi aħna nirreferuh.”
Gordon Grech, uffiċjal tal-probation qal li huwa ta’ sodisfazzjon kbir li l-persuna inkwistjoni terġa’ tibda tgħix ħajjitha normali mingħajr ma taqa’ għal dak l-iżball li tkun għamlet qabel.
“Jekk naraw ċertu progress minn persuna, dak jkun sodisfazzjon kbir, pereżempju ma tiftaħx każijiet oħra dak ikun sodisfazzjon ħafna.” Saħaq Grech.
Bħalissa f’pajjiżna hawn erba’ mija u erbatax-il persuna li qegħdin fuq probation. Dan ikkonfermah il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri fil-Parlament.