Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne spjega li bil-politika tal-Partit Nazzjonalista l-prezzijiet tal-fuel kienu jiżdiedu ferm iktar spiss u kienu jkunu ferm ogħla milli huma llum.
Hu qal dan meta f’konferenza tal-aħbarijiet kien mistoqsi dwar is-suġġett l-għada li kien hemm reviżjoni fil-prezz tal-fuel. Fakkar kif għall-aħħar 15-il xahar kien hemm żidiet madwar l-Ewropa iżda l-Gvern Malti rnexxielu jżommhom stabbli.
“Jekk tqis il-prezzijiet tal-lum litru petrol huwa 15-il ċenteżmu orħos milli kien fl-2013 u litru diesel huwa 17-il ċenteżmu orħos milli kien fl-2013. Ir-raġuni hi li aħna bħala gvern żammejna l-prezzijiet stabbli,” qal Fearne li fakkar kif taħt Gvern Nazzjonalista l-prezz kien jgħola minn xahar għal xahar. “Kieku żammejna l-istess politika l-prezzijiet tal-lum ilna li lħaqnihom xhur.”
Id-Deputat Prim Ministru spjega wkoll kif illum qed inħallsu medja ta’ għaxar ċenteżmi inqas mill-medja Ewropea. “Il-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej il-konsumaturi jħallsu iktar milli jħallsu l-konsumaturi Maltin,” qal Fearne.