Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia reġa’ rrifjuta li jitlob inkjesta maġisterjali dwar l-allegazzjonijiet li allegat Daphne Caruana Galizia, li daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjien mill-prostituzzjoni.
Adrian Delia għamel konferenza tal-aħbarijiet li fiha attakka lic-Chief of staff tal-uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri. Keith Schembri xehed f’inkjesta sabiex toħroġ il-verità dwar l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu f’kampanja li għamel fil-konfront tiegħu l-Partit Nazzjonalista, li bdiha l-eks Kap Simon Busuttil.
Izda Adrian Delia, fetaħ attakk fuq Keith Schembri imma kellux id-diċenza li jwieġeb il-mistoqsijiet serji dwaru. Meta nqatlet Daphne Caruana Galizia sabiex ma toħroġx il-verità dwaru, Adrian Delia mar il-qorti u waqa l-libell. Delia wieġeb: “Jien waqajt libell.”
Adrian Delia ma riedx iwieġeb il-mistoqsijiet dwar dawn l-allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus. U reġa’ rrifjuta li jitlob inkjesta sabiex inaddaf ismu.
Viżibilment skomdu Adrian Delia, tħawwad u beda jgħid affarijiet li ma jagħmlux sens. Delia kien mistoqsi minn ONE News: “Kif ha nkunu nafu il-verità dwarek , jekk int waqajt libelli?”, Delia wieġeb: “Ma naħrabx u ma nibżax, waqajt il-libelli. Anki oħt Daphne Caruana Galizia qaltlek tmur il-qorti? Għamilthom u weġibthom.”
Minħabba dawn l-allegazzjonijiet serji, l-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil ma temminx li Adrian Delia huwa kredibbli sabiex imexxi l-partit nazzjonalista minħabba l-allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus u dwarhom ma jridx jitlob inkjesta maġisterjali, u l-verità dwaru qatt mhu se nkunu nafuha.
Intant fi stqarrija l-Partit Laburista fi stqarrija qal li bil-mozzjoni li ressaq Adrian Delia hi mibnija kollha kemm hi fuq l-argument li jrid li xi ħadd jitneħħa mill-kariga għax waqqaf kawża ta’ libell. Bl-argument tiegħu Adrian Delia jista’ jgħid li din il-mozzjoni tapplika għalih għax ħadd daqsu ma mar jiġri l-qorti biex iwaqqa’ l-libelli.
L-uniku differenza hi li f’każi oħra hemm inkjesti maġisterjali jinvestigaw l-allegazzjonijiet li saru u fil-każ ta’ Adrian Delia m’hemmx għax saħansitra beża’ jmur għand il-maġistrat.
Biex ċeda għall-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Adrian Delia reġa’ tefa’ l-ġebla fuq saqajh. Għax għadu ma bediex imexxi baqa’ mhux jinduna li biex taparsi jwassluh jattakka l-Gvern, ta’ madwaru qed iwassluh jattakka lilu nnifsu.