Il-bieraħ daħlet fis-seħħ il-liġi l-ġdida li biha se tibda tiġi vvalutata b’sens ta’ ġustizzja kull art agrikola, biex fuqha tiġi kkalkulata l-qbiela li l-bidwi li jaħdimha għandu jħallas lis-sid.
Mill-prezzijiet stabbiliti jirriżulta li l-bdiewa mhux se jkunu obbligati jħallsu aktar minn mija u sitt ewro u sitt ċenteżmi (€106.06) fis-sena għal kull tomna art li jaħdmu. Jirriżulta wkoll li l-prezzijiet mhux se jiġu riveduti qabel ħames snin oħra.
Dan ħabbritu l-gazzetta KullĦadd, li rrappurtat li din il-liġi aġġornata għaż-żminijiet tal-lum telimina d-diskriminazzjoni doppja li l-liġi l-antika kienet qed toħloq kemm għas-sidien tal-artijiet – li ma kinux qed jieħdu prezz tal-kirja skont il-valur tal-proprjetà tagħhom – kif ukoll għal dawk li jaħdmu l-istess raba’. Dawn kienu qed jitilfu kawżi li bdew jinfetħu kontrihom fil-qrati biex jiġu żgumbrati.
Waqt li l-liġi l-ġdida tagħti lok li l-kirjiet antiki b’rati ta’ qbiela li ma kinux ġew riveduti tul is-snin jogħlew b’mod stabbilit u ġust, il-Gvern se jgħin lill-istess bdiewa billi jtaffilhom parti mill-piż permezz ta’ pagamenti diretti minn fondi Ewropej. Dawn il-fondi żdiedu għal dan il-għan b’erba’ miljun u ħames mitt elf ewro (€4.5 miljun).
Din il-bidla legali, li għal għexieren ta’ snin baqgħet qatt ma seħħet għax gvernijiet passati dejjem evitawha, mhux biss se tagħti valur aktar ġust lill-artijiet agrikoli, iżda wkoll serħan il-moħħ lil madwar sebat elef u ħames mitt (7,500) bidwi li jaħdmu artijiet bi qbiela mal-privat.
Minbarra hekk, se tissalvagwardja wkoll il-produzzjoni tal-ikel lokali.