Fil-ġimgħa li Donald Tusk ġie Malta u qal lill-Prim Ministru li pajjiżna għandu l-aqwa nies biex imexxi l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea, id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kiteb li bil-Labour tistħi li int Malti. Fuq Twitter Azzopardi qal li “Lawrence Gonzi kellu raġun: bil-PN, inkunu kburin li Maltin. Bil-Labour nistħu.”
Din id-dikjarazzjoni, li qed issir fi żmien li Malta għandha l-aqwa tkabbir ekonomiku fl-Ewropea u l-inqas rata ta’ qgħad, hija eku ta’ dak li qal Lawrence Gonzi qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 meta f’mass meeting qal li “Il-labour iġiegħlna nistħu u n-nazzjonalisti jgiegħluna nħossuna kburin.”
Dikjarazzjoni li rrepeta Simon Busuttil qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew meta qal “taħt gvern Nazzjonalista tkun kburi li int Malti, taħt gvern Laburista tistħi tgħid li int Malti.” Fiż-żewġ okkażjonijiet il-poplu ċaħad din it-tip ta’ politika iżda esponenti tal-Partit Nazzjonalista jinsitu biha bl-Azzopardi jkun l-aħħar minn sensiela li esprima dawn il-ħsibijiet.