Waqt il-ftuħ tas-sitta u sebgħin edizzjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, ġie maħtur bħala President tal-Assemblea.
Dan sar permezz ta’ vot unanimu favur Chris Fearne mir-rappreżentanti tal-mija u erbgħa u disgħin Membru Stat tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa, wara li kien in-nominat għal din il-kariga tar-Reġjun Ewropew.
Chris Fearne huwa l-ewwel Malti li qed jokkupa din il-kariga prestiġjuża, u l-ewwel dmir uffiċjali tiegħu huwa t-tmexxija ta’ din l-Assemblea annwali, li hija meqjusa bħala avveniment ewlieni għat-tmexxija tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, fejn il-Membri Stati jiddeterminaw il-prijoritajiet u l-politika tal-Organizzazzjoni għas-sena li ġejja.
Fl-ewwel kummenti wara l-ħatra uffiċjali tiegħu, Chris Fearne saħaq li din is-sena hija importanti għall-Għaqda Dinjija tas-Saħħa hekk kif timmarka l-ħamsa u sebgħin sena mit-twaqqif tagħha.
“Il-WHO din is-sena tagħlaq 75 sena u aktar ma s-sitwazzjonijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u ambjentali bħalma hija t-tibdil fil-klima, jaggravaw, aktar qegħdin jaffettwaw is-servizz tas-saħħa u s-saħħa tal-popli fid-dinja, u għalhekk, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa bilfors qed tkun aktar vokali u aktar preżenti.”
Il-Ministru tas-Saħħa Malti sostna li matul it-terminu tiegħu bħala President tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, huwa se jiffoka fuq il-ħtieġa tal-aċċessibilità tal-mediċini.
“Matul din is-sena ta’ ħatra tiegħi bħala President tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa ħa niffoka ħafna fuq il-ħtieġa li l-mediċini ġodda u innovattivi, ikunu aċċessibbli għall-popli kollha tad-dinja fl-istess ħin. Qed naraw li pajjiżi żgħar li mhux b’saħħithom ekonomikament, qed ikunu fi żvantaġġ meta jkollhom bżonn mediċini ġodda. Għalhekk matul din is-sena ta’ Presidenza tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, Malta ħa tkun qiegħda fuq quddiem u ħa nkunu qed nagħmlu impatt fuq is-saħħa tal-popli kollha madwar id-dinja.”
Huwa se jservi fil-kariga ta’ President tal-Assemblea tas-Saħħa Dinjija għal terminu ta’ sena, waqt li jkompli bil-ħidma tiegħu bħala Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa f’Malta.
Fil-marġini tal-Assemblea, qed isiru wkoll laqgħat bilaterali mad-Deputat Prim Ministru. L-ewwel laqgħat kienu mad-Direttur Ġenerali tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u mad-Deputat Ministru tal-Kummissjoni Nazzjonali tas-Saħħa għaċ-Ċina.