Illum tibda l-Malta International Airshow. Il-pubbliku jista’ jgawdi mill-opportunita’ li jara l-ajurplani mill-viċin u jieħu r-ritratti. Bla dubju, bosta Maltin ikunu qed jistennew bi ħġarhom din il-wirja spettakolari li matula se jkunu jistgħu jitkellmu wkoll mal-piloti.
Matul il-jum tas-Sibt bejn l-10.00a.m u 15.30p.m, l-ajruplani se jkunu għall-esebizzjoni fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. L-ispettaklu jkompli matul aktar tard wara nofsinhar, fejn għall-ewwel darba l-pubbliku jista’ jsegwi l-ispettaklu ta’ akrobaziji fl-ajru minn aruplani u helikopters uniċi minn Smart City bejn il-17.00p.m u 19.30p.m.
Għall-ewwel darba, din is-sena wkoll, il-forzi tal-ajru Ukreni kkonfermaw il-preżenza tagħhom fil-Malta International Airshow. Se jkunu qed jeżebixxu wieħed mill-frontline jets tagħhom, is-Sukhoi Su-17 ‘Flanker’. Dan it-tip ta’ ajruplan jintuża fil-ġlied u huwa magħruf għal żewġ manuvri partikolari, jissejħu ‘Cobra’ u ‘Bell’.
Bħala parti mill-wirja fuq l-art, se jkun hemm ukoll ajruplan tat-trasport tat-tip Iljushin Il-76. Dan se jkun l-ewwel ajruplan Il-76 iżda wkoll l-ikbar ajruplan tat-trasport li qatt kien eżebit hawn Malta. L-ajruplan li ġej Malta kien disinjat biex iwassal makkinarju tqil f’zoni remoti tal-Unjoni Sovjetika.
Jekk tieħu xi ritratt ta’ dawn l-ajruplani, uża #maltairshow fid-deskrizzjoni tar-ritratt, hekk kif l-isbaħ ritratti se jkunu qegħdin jitpoġġew fuq il-paġna tal-Malta International Airshow fuq is-sit soċjali ta’ facebook.
Tista’ tisma’ l-kumment ta’ wieħed mill-organizzaturi Gordon Pace.
Ritratt: Christopher Ebejer