Charles Cutajar, ta’ 59 sena mill-Belt Valletta, nżamm arrestat b’ rabta ma’ żewġ serqiet.
Barra minn hekk hu affaċja wkoll l-akkużi tal-ksur tal-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti.
Il-Prosekuzzjoni xehdet kif it-traċċi ta’ DNA li nstabu dakinhar tas-serqa fi spiżerija, f’Mejju li għadda, qablu mad-DNA li nstab f’serqa oħra fl-2017 u serqa oħra f’ Novembru li għadda, li seħħet meta l-akkużat kien taħt il-kundizzjonijiet tal-arrest.
Id-Difiża spjegat kif l-imputat kien pazjent fl-Isptar Monte Karmeli u li huwa mistenni li jibda’ trattament ta’ rijabilitazzjoni.
Il-Maġistrat qal lill-akkużat li tant għandu kondotta twila, li jikkompeti lil Trevor Zahra. Hu żied jgħid li dan qed jirrifjuta l-għajnuna u qed jisraq u jitrawmatizza lil bosta. Fil-fatt, l-akkużat wera qbil għal dak li qal il-Maġistrat.
Intant, id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, sabiex l-imputat ikun jista’ jirċievi l-għajnuna meħtieġa.
Din it-talba ġiet miċħuda mill-Qorti, hekk kif saħqet li għandha tkun il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li tagħmel l-assessjar meħtieġ.
Il-Maġistrat qal li mhux se jagħti l-ħelsien mill-arrest, għax ma jridx li l-akkużat jinstab mejjet b’overdose fl-ewwel tas-sena u tkun fuq il-kuxjenza tiegħu.
Hu kompla jtenni kif it-traffikanti tad-droga qed jagħmlu l-flus mill-miżerja tiegħu.