Bil-kejl ta’ Adrian Delia għandu jirriżenja hu stess u minnufih. Dan qalu l-Partit Laburista fi stqarrija.
Dan għax Adrian Delia kien suġġett ta’ numru ta’ allegazzjonijiet mill-iktar serji u ismu ntrabat ma’ reati kriminali tal-ikbar serjetà f’għadd ta’ artikli ppubblikati minn Daphne Caruana Galizia. Artikli li dwarhom mhux se nkunu nafu l-verità għax Adrian Delia dejjem beża’ jitlob investigazzjoni dwaru nnifsu.
Fuq kollox bi kliem Adrian Delia stess ilbieraħ wieħed għandu jistenna l-eżitu ta’ investigazzjonijiet li hemm għaddejin dwar dak li ssemma fil-media fl-aħħar sigħat. Dan għax il-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu qal li ma jieħux vanġelu dak li ntqal u li dawn huma biss allegazzjonijiet.
Fuq kollox, kull meta l-Kap tal-Oppożizzjoni jsemmi Egrant ikun qed ifakkar li huma l-istituzzjonijiet indipendenti l-uniċi li jinsabu f’pożizzjoni li jagħtu ġudizzju, kompla jgħid il-Partit Laburista.
Għax wara ħafna talbiet għar-riżenji, protesti u insinwazzjonijiet irriżulta li dak kollu li ntqal f’dak il-każ kien gidba mill-bidu sal-aħħar. Delia għandu jieħu din it-tgħalima. Dan qalu l-Partit Laburista fi stqarrija.