Bil-ftuħ tal-hub ta’ Santa Luċija li jispjeċjalizza fuq il-vjolenza domestika, il-Korp tal-Pulizija rnexxielu jnaqqas bin-nofs, il-ħin ta’ stennija biex isir rapport.
Qal dan il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, waqt li kien qed jidher quddiem Kumitat Parlamentari, magħmul minn rappreżentanti tal-Kumitat tal-Affarijiet Soċjali u tal-Affarijiet Familjari.
F’diskussjoni dwar il-ħidma kontinwa kontra l-vjolenza domestika, il-Kummissarju nnota kif is-sena d-dieħla se jinfetaħ it-tieni hub speċjalizzat lil hinn mid-Depot, li se jkun ibbażat fuq l-istess kunċett li bih qed jitħaddem dak f’Santa Luċija.
Il-kumitat konġunt tal-Parlament iddiskuta s-sitwazzjoni preżenti dwar il-vjolenza domestika u x’titjib ulterjuri jista’ jsir biex jiġu evitati omiċidji u aktar reati fil-konfront tan-nisa.
Fl-intervent tiegħu, Gafà semma kif se jkunu qed jinfetħu aktar ċentri attrezzati li jkunu aċċessibbli u joffru ambjent aktar denju lil vittmi ta’ vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru. Tenna li, sadanittant, qed ikompli r-rinnovar fl-għases biex, eventwalment, fix-xhur li ġejjin, ikun jista’ jinfetaħ ċentru speċjalizzat bħal dak ta’ Santa Luċija, fl-Imtarfa.
Qal, “Il-mument li neħilsu x-xogħol fl-Għassa tar-Rabat, għandna kollox f’postu biex nitilqu bir-rinnovar tal-Imtarfa biex allura jkun riflessjoni tal-proġett li għamilna f’Santa Luċija. Però l-punt importanti hu li, fejn qabel persuna kien jiġi jagħmel rapport kien jinqeda minn shift, dan hu servizz 24/7, illum għandna żewġ shifts jaħdmu in parallel. Mela jekk int mort tagħmel rapport Santa Luċija ħa tinqeda minn persuna, jekk inti mort mid-Depot, għax il-hub l-ieħor is-servizz hu offrut mill-headquarters, ħa tinqeda mix-shift l-ieħor, mela teknikament, b’mod awtomatiku, il-ħin ta’ stennija naqas bin-nofs.”