Il-kumpanija Gozo Fast Ferry nediet is-sit u app, li wieħed jista’ jniżżilha b’xejn.
Minnhom wieħed jista’ jniżżel u jixtri l-biljetti bir-ritorn bi prezz ta’ €9.99 għall-adulti u €5.99 għat-tfal biex jivvjaġġaw bejn il-Belt u l-Imġarr, Għawdex.
Dawk li għandhom Talllinja Card se jgawdu minn traħħis fil-prezz.
Is-servizz se jibda minn għada fl-4:00 ta’ waranofsinhar.
Il-kumpanija Gozo Fast Ferry qalet li permezz tal-app wieħed se jkun jista’ jixtri l-biljetti għalih u għall-grupp, jirriserva post fi vjaġġ partikolari, kif ikoll jixtri l-biljett ta’ ritorn, li jrid jintuża fi żmien 30 ġurnata.
Din il-kumpanija qalet ukoll li dawk li għandhom aktar minn 60 sena u t-tfal bit-talinja card iħallsu €3.99.
Dan filwaqt li dawk li joqogħdu Għawdex iħallsu €4.50 u dawk l-adulti li għandhom Tallinja card u l-istudenti jħallsu €7.99 bir-ritorn.
Il-kumpanija ħabbret ukoll li flimkien ma’ Malta Public Transport hija se tkun qed toffri shuttle bus service minn postijiet prinċipali bħall-Università ta’ Malta u l-Isptar Mater Dei filwaqt li f’Settembru se tibda toffri dan is-servizz mill-MCAST ta’ Raħal il-Ġdid.
Fl-aħħar nett hija qalet li meta l-passiġġieri jinżlu f’Ta’ Liesse, dawk li jkollhom biljett tal-Gozo Fast Ferry, ikunu intitolati għal biljett b’xejn għal-lift tal-Barrakka ħalli jkunu jistgħu jmorru fiċ-ċentru tal-belt Kapitali.