Jekk hemm legat li se jħalli Dr Joseph Muscat huwa bla dubju ta’ xejn is-sens ta’ għaqal u dixxiplina li rnexxielu jittrasmetti lill-partitarji ġenwini kollha tal-Partit Laburista.
Dan is-sens ta’ għaqal u dixxiplina rajnieh fl-aqwa tal-protesti li kellna matul ix-xhur ta’ Novembru u Diċembru. Il-partitarji laburisti u ma kinitx ħaġa faċli baqgħu ‘il bogħod milli jaqgħu għall-provokazzjonijiet u litteralment ħallew il-protesti għaddejjin mingħajr qatt ma ntervjenew. B’hekk ġew evitati inċidenti bla bżonn li persważ li kienu jiġu użati mill-avversarji tal-Moviment Laburista għall-iskopijiet tagħhom. Min jaf kemm kienu jnewħu li l-partitarji laburisti huma vjolenti! Min jaf kemm kienu jippruvaw iħammġuna bl-għajta ta’ marmalja soċjalista!
L-istess sens ta’ għaqal u dixxiplina ntwera wkoll fl-elezzjoni għall-Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista. Elezzjoni serja, professjonali fejn it-tesserati kellhom kull opportunità sabiex bl-aktar mod seren possibbli jesprimu l-preferenza tagħhom. U dan huwa wkoll frott il-legat li ħallielna warajh Dr Joseph Muscat.
Kien ta’ sodisfazzjon għal min iħobb is-serjetà fil-pajjiż jisma’ lill-Prim Ministru ġdid Dr Robert Abela jaċċenna kemm-il darba kemm għandu għal qalbu d-dixxiplina u kemm se jistinka biex jara li d-dixxiplina terġa’ tirrenja fil-pajjiż. Dixxiplina lejn l-istituzzjoniet. Dixxiplina lejn il-pulizija u l-awtoritajiet tas-sigurtà. Dixxiplina fuq il-postijiet tax-xogħol. Dixxiplina fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Dixxiplina fl-istrata kollha tas-soċjetà.
U bħala edukaturi nappella li jsir sforz akbar milli sar s’issa sabiex anke fl-iskejjel jissaħħaħ is-sens ta’ dixxiplina. Jeħtieġ li l-edukaturi jerġgħu jakkwistaw dak is-sens ta’ rispett mill-istudenti u mill-ġenituri. M’iniex qed nippretendi li nirritornaw għall-ħamsinijiet fejn l-edukatur kien kważi dittatur imma ma nistgħux nippretendu li x-xejn mhu xejn u l-edukaturi tagħna jiġu ttrattati u indirizzati b’intimidazzjoni jew nuqqas ta’ rispett kemm minn xi studenti u minn xi ġenituri. Persważ li l-Ministru l-ġdid, Dr Owen Bonnici se jaħdem sabiex jara li din il-karba tal-edukaturi tinstema’ u mit-teorija ngħaddu għall-prattika.
Jekk irridu li l-ġenerazzjonijiet futuri jkollhom rispett lejn l-awtorità, jeħtieġ li nibdew mill-iskejjel tagħna. Jekk niżirgħu r-rispett, il-ħsad se jkun wieħed li jħalli l-frott. Min-naħa l-oħra, iżda jekk niżirgħu r-riħ, maltemp biss nistgħu naħsdu.
Min għandu moħħ ħa jifhem!