L-editur politiku tal-PN jitħallas minn fondi Ewropej
Skema maħduma ma’ Therese Commodini Cachia
Simon Busuttil jaf li qed jikser ir-regoli
Wieħed mill-istrateġisti ewlenin tal-Partit Nazzjonalista wkoll jitħallas permezz tal-iskema frodi minn fondi tal-Parlament Ewropew li jħaddem il-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil.
Il-bniedem huwa John Zammit, l-editur politiku tal-midja tal-Partit Nazzjonalista. Ix-xogħol tiegħu iżommu impenjat f’ħidma għall-Partit Nazzjonalista iżda ċ-ċekk fl-aħħar tax-xahar qed joħroġ mill-Parlament Ewropew. Biex titħaddem din is-sistema tintuża l-Membru tal-Parlament Ewropew Therese Commodini Cachia li minn fondi Ewropej toħroġ l-eluf ta’ ewro biex John Zammit ikun jista’ jaħdem għal Simon Busuttil. Commodini Cachia hija fdata ferm minn Simon Busuttil tant li fdaha bil-kitba tal-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt, John Zammit ikun involut fil-laqgħat ta’ strateġija filwaqt li jikkordina l-messaġġ politiku tal-partit.
Bħall-iskema tal-kiri tal-uffiċini din hi xi ħaġa li mhix permessa bil-fondi Ewropej u fejn ġrat f’pajjiżi oħra ttieħdu passi mill-iktar serji.
L-investigazzjoni tal-gazzetta KullĦadd tixhed kif Therese Commodini Cachia tniżżel lil John Zammit fl-accounts uffiċjali tagħha għax ma tistax tagħmel mod ieħor. Iżda mbagħad ħbietu minn fuq is-sit elettroniku. Saħansitra, f’dokumenti uffiċjali li għandna kopja tagħhom, John Zammit jidher bħala impjegat tal-media.link. Iżda, imbagħad għandna wkoll il-provi li ċ-ċekk fl-aħħar tax-xahar joħroġlu minn Therese Commodini Cachia.
Imkejjen fid-Dar Ċentrali kienu kwotati jgħidu mill- Kullħadd li John Zammit ilu għal dawn l-aħħar erba’ snin bħala d-dell tal-Kap tal-PN Simon Busuttil, l-aktar fil-mod ta’ kif il-Kap Nazzjonalista għandu jwassal il-messaġġ politiku. John Zammit huwa meqjus bħala wieħed mill-eqreb nies ta’Busuttil, fejn saħansitra huwa fdat ukoll mill-Kap Nazzjonalista biex jikteb diskorsi jew messaġġi uffiċjali ta’ Busuttil.
Dawk li jafu lil Simon Busuttil, qalulna li “minn meta Busuttil inħatar Kap u fit-tielet sular tad-Dar Ċentrali ngħaqad miegħu wkoll John Zammit, il-lingwaġġ politiku ta’ Busuttil inbidel u sar wieħed estrem ħafna.”
Is-sorsi ta’ Kullħadd żiedu li John Zammit huwa magħruf ħafna għal-lingwaġġ kattiv, aggressiv u mimli ħdura partikolarment fil-konfront tal-politiċi u partitarji Laburisti u mhux inqas ta’ eks Nazzjonalisti li ngħaqdu fil-moviment ta’ Joseph Muscat. Dan it-ton u lingwaġġ John Zammit jużah kuljum fl-editorjali li jxandar fuq ir-radju Nazzjonalista.
John Zammit li jaħrab l-okkażjonijiet li jidher fil-pubbliku, jagħmel ħafna mix-xogħol tiegħu minn wara l-kwinti.
Il-gazzetta Kullħadd ikkonfermat wkoll li John Zammit huwa qrib ferm tal-blogger Nazzjonalista Daphne Caruana Galizia, fejn ta’ spiss ikunu f’kuntatt ma’ xulxin.
Sorsi fit-Tielet Sular tad-Dar Ċentrali qalulna li mhux ta’ b’xejn hemm xebh qawwi fil-lingwaġġ li juża Zammit fuq ir-radju Nazzjonalista u fil-kitba li tikteb Caruana Galizia.
John Zammit huwa wieħed mill-ftit li qed ikunu fdati minn Simon Busuttil biex titfassal u titmexxa l-istrateġija tal-PN f’din il-kampanja elettorali.
Il-gazzetta KullĦadd irrapportat li dan mhux l-uniku arranġament simili fil-Partit Nazzjonalista.
Din hi xi ħaġa li l-partiti politiċi ma jistgħux jagħmlu b’fondi tal-Parlament Ewropew u meta nqabdet tiġri minn membri parlamentari Ewropej f’pajjiżi oħra, ittieħdu passi drastiċi.
L-OLAF tinvestiga personalment
Kienet l-istess KullĦadd li l-ġimgħa li għaddiet żvelat fl-ewwel parti tal-investigazzjoni tagħha kif il-membri Parlamentari Ewropej qegħdin jużaw spazji fid-Dar Ċentrali u jħallsu għalihom minn flus li l-Parlament Ewropew jgħaddilhom għal għanijiet oħra.
Il-Partit Nazzjonalista għandu tliet membri tal-Parlament Ewropew li biex iħaddmu din l-iskema qed jużaw parti mill-€4,299 li għandhom fix-xahar biex suppost jamministraw uffiċċju fil-kostitwenza. B’hekk il-Partit Nazzjonalista ta’ Simon Busuttil qed idaħħal kemxa tajba.
Kemxa tajba li qed issir bi frodi bla preċedent minn partit politiku Malti.
Bħala parti mill-iskema mħaddma bl-approvazzjoni ta’ Simon Busuttil, David Casa, Therese Commodini Cachia u Roberta Metsola, m’għandhomx uffiċini fil-lokalitajiet. Iżda, huma kkonċentrati għalkollox fid-Dar Ċentrali. B’hekk il-ħaddiema tagħhom f’Malta jirraportaw għax-xogħol f’Tal-Pietà.
Il-Prim Ministru sfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jitlob l-uffiċċju tal-investigazzjoni dwar frodi tal-Unjoni Ewropea, l-OLAF, biex dwar dan il-każ toħroġ il-verità. Iżda, l-Kap tal-Oppożzizzjoni ilu ġimgħa jirrifjuta.
Fl-aħħar jiem irriżulta wkoll li Roberta Metsola qed timpjega r-raġel ta’ oħtha kontra r-regoli tal-Unjoni Ewropea. Aħbar li ħarġet fl-istess jum li Simon Busuttil qal li bil-Partit Nazzjonalista fil-gvern ma jkunux impjegati qraba ta’ politiċi f’ministeri jew dipartimenti tal-gvern. Meta mistoqsi dwar dan Simon Busuttil ma kkummentax.
L-iskema ta’ frodi minn fondi Ewropej hija t-tielet waħda għall-Partit Nazzjonalista li hija mdawra minn dubbji u llegalitajiet. L-ewwel waħda kienet l-iskema ċedoli, warajha kien hemm l-invoices foloz tad-DB u issa hemm din li qed tkompli titfa’ dubji kbar dwar il-kondotta ta’ Simon Busuttil fit-tmexxija finanzjarja tal-Partit Nazzjonalista.