Is-Sibt waranofsinhar fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Ġorġ Martri f’Ħal Qormi qed tingħata l-aħħar tislima liż-żagħżugħ Ramiro Mallia.
Ramiro miet it-Tlieta li għadda wara ħruġ ta’ gass minn heater f’daru f’Ħal Qormi, li wassal biex il-ġuvni ntilef minn sensih. Huwa ngħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku iżda sfortunament tilef ħajtu ftit tal-ħin wara fl-Isptar Mater Dei.
Preżenti fil-knisja u fuq barra tal-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ hemm il-qraba u l-ħbieb ta’ Ramiro, li kien deskritt minn ħafna bħala żagħżugħ li jgħin lil kulħadd.
Tant hu hekk, li l-aħħar kitba tiegħu fuq il-midja soċjali kienet appell biex jiġbor il-flus għal Puttinu Cares mill-bejgħ tal-figolli. Puttinu Cares hija l-għaqda li meta kellu biss tliet snin, kienet għenitu biex fieq mill-marda tal-kanċer.
Il-familja ta’ Ramiro appellat biex dawk li se jattendu l-funeral jilbsu ħwejjeġ ikkuluriti u saħqet biex minflok fjuri jintbagħtu donazzjonijiet lil Puttinu Cares.
Waqt l-omelja, Patri Reno Muscat, li kien jaf mill-qrib lil Ramiro, qal kif iż-żagħżugħ kien bniedem altruwist u bieżel. Patri Reno Muscat kompla jgħid kif Ramiro kien bniedem sabiħ minn barra, iżda kellu ħafna sabiħ minn ġewwa wkoll. Dan hekk kif wara li għeleb il-marda tal-kanċer, huwa għen diversi għaqdiet u nies.
Appella biex dak li Ramiro beda b’Ramiro & Friends’, jitkompla minn sħabu.
Preżenti għall-funeral kien hemm diversi żgħażagħ li kienu jattendu fl-istess skola ta’ Ramiro, dawk li kienu jilgħabu l-futbol miegħu mat-timijiet ta’ Wied il-Għajn u ta’ Ħal Qormi u anke partitarji tal-Klabb Malti tat-tim tal-Milan, it-tim li kien iżomm miegħu Ramiro.
Fi tmiem il-funeral it-tebut inħareġ mill-Knisja mill-partitarji tal-Milan, filwaqt li hawnhekk indaqq l-innu li kien għal qalb Ramiro tal-Milan kif ukoll il-kanzunetta ta’ Puttinu.