Żewġ Żvediżi sfaw maqtula u persuna oħra ndarbet f’attakk li qed jitqies bħala wieħed terroristiku.
Filmati li xxerrdu fuq il-midja Belġjana juru raġel armat b’arma tan-nar jispara fit-triq qabel imbagħad ġera wara persuni fi stazzjon fejn spara u qatel żewġ persuni.
Il-Pulizija Belġjana kkonfermat li l-vittmi huma żewġ Żvediżi, li kienu lebsin flokkijiet tat-tim nazzjonali tal-futbol ta’ pajjiżhom.
It-Tnejn filgħaxija l-Iżvezja kienet qed tilgħab kontra l-Belġju fil-grawnd ta’ Heysel fi Brussell stess, tliet mili bogħod minn fejn seħħet l-isparatura. Il-logħba ta’ kwalifikazzjoni tal-kompetizzjoni EUFA EURO 2024 kellha tieqaf ħesrem.
L-allegat qattiel, li fil-filmat jidher iwettaq id-delitt kiesaħ u biered, għadu maħrub. mhux magħruf x’wassal għal dan il-qtil però l-awtoritajiet qed iqisu dan il-każ bħala wieħed terroristiku.
ll-Pulizija lokali qalet li ż-żona ngħalqet għall-pubbliku.
Il-Prim Ministru Belġjan Alexander de Croo tkellem fuq il-midja soċjali biex joffri l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji Żvediżi wara l-attakk ikrah fi Brussell.