Żewġ Libjani, Maher Elmetni ta’ 44 sena, Osama Ali Amosh ta’ 36 sena u Maltija, Caroline Debrincat ta’ 22 sena nżammu arrestati wara tressqu l-Qorti b’rabta ma’ ħtif ta’ mara ta’ 50 sena li nstabet qawwija u sħiħa f’appartament fi Triq Barnaba f’Buġibba.
Elmetni u Ali Amosh ġew akkużati bil-ħtif tal-mara u li ppruvaw jieħdu flus jew jagħmlu qliegħ billi heddew b’azzjoni kontra iben il-vittma. Huma ġew akkużati wkoll li beżżgħu lill-vittma li tista’ tintuża xi vjolenza kontriha. Huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. Il-prosekuzzjoni spjegat kif kienu dovuti lill-imputat Osama Ali Amosh, l-ammont ta’ €4,000 u l-flus baqgħux ma ġewx irritornati. Għalhekk inħatfet il-Lebaniża minn darha fl-Imsida.
Il-pulizija qalet li iben il-vittma rrapporta l-pulizija u ż-żewġ Libjani ġew arrestati f’tas-Sliema s-Sibt filgħaxija u ftit tal-ħin wara ġiet arrestata t-tfajla, li kienet qed iżżomm lil-Lebaniża. Il-pulizija semgħet it-telefonati li kienu qed isiru bejn l-imputati u bin il-vittma u semgħu lill-omm Lebaniża tibki u tolfoq. Il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest ta’ Ali Amosh u Debrincat minħabba biża’ ta’ intralċ tal-provi filwaqt li Elmetni ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.
Intant Debrincat, li spiċċat tixher u tgħajjar il-prosekuzzjoni fil-Qorti hekk kif inżammet arrestata ġiet akkużata bis-sekwestru tal-allegat vittma kontra l-volontà tagħha. Il-prosekuzzjoni qalet li mill-investigazzjonijiet ħareġ li Caroline Debrincat ma kellhiex involviment dirett fil-ħtif iżda kellha involviment dirett fis-sekwestru tagħha. Debrincat ukoll ċaħdet l-akkużi miġjuba kontriha.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/11/30/mara-tinstab-qawwija-u-shiha-fbugibba-wara-li-allegatament-inhatfet-u-ntalbu-l-flus-biex-tinheles-1/