Żewġ flyovers ġodda se jkunu introdotti minflok it-traffic lights junction fl-Imsida li tgħaqqad il-Marina, Triq il-Wied tal-Imsida u Triq Mikiel Anton Vassallo. Dan il-proġett bl-isem ‘The Msida Creek Project’ se jkun qed joħloq iżjed spazju miftuħ u ta’ rikreazzjoni viċin il-Monument tal-Ħaddiema u 100 spazju ta’ parkeġġ ġdid.
Il-Minsitru għall-Infrastruttura Ian Borg saħaq li l-komunità tal-Imsida kienet ilha bżonn dan il-proġett, anke minħabba l-fatt li t-traffic lights fl-inħawi kienu jżommu l-karozzi għal tul ta’ ħin fl-istess post. Għalhekk bl-eliminazzjoni ta’ din it-traffic lights junction se titjieb ukoll l-kwalità tal-arja fl-akwati.
“Hawnhekk tgħaddi 4,500 vettura fis-siegħa u ser inkunu qed neliminaw it-traffic lights sabiex nagħmlu żewġ flyovers, żewġ flyovers ta’ 175 metru illi mhux biss ser ikunu qed jgħinu għall-min qed jivjaġġa imma fuq kollox għar-residenti tal-madwar. U nirbħu din l-art, din il-pjazza, din il-fetħa ġewwa l-Imsida li tista’ tkun utilizzata b’mod aħjar għaliex ħa neliminaw l-vetturi minħabba li l-vetturi se jgħaddu iktar il-fuq fuq il-flyover.” Qal il-Ministru Borg.
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li l-Klabb tal-boċċi li jinsab f’nofs il-pjazza 5 ta’ Ottubru wkoll se jkun qed jibbenefika minn dan il-proġett.
“Qiegħdin naraw illi jkollna spazju li jkun wieħed, illi jkun state of the art, biex ngħidu hekk. Ikollu l-faċilitajiet kollha neċessarji u jkun hemm upgrade sabiex il-pitch tal-boċċi ikun wieħed illi jista’ jkun frekwentat mill-familji kollha Misidjani.”
Il-Ministru Ian Borg qal li bħalissa għaddejjin bosta diskussjonijiet ma’ diversi stakeholders, fosthom il-Kunsill, biex imbagħad jiġu finalizzati l-pjanti u ssir l-applikazzjoni għall-permessi mal-Awtorità tal-Ippjanar fil-ġimgħat li ġejjin.