Mill-istudju fil-liġi, Kelly Sciberras ftit tas-snin ilu tefgħet ħarsitha fuq l-arju. Illum hija bdot.
Hija tenniet magħna kif kollox beda minn filmat li wasal għandha ta’ kaptan ittajjar wieħed mill-akbar ajruplani kummerċjali fis-suq dak tal-A380, li ħajjarha tfittex aktar dwar din il-professjoni.
Kelly spjegat, “Imbagħad kont qeda fuq YouTube u telgħatli din il-mara Captain ġo l-A380, taħdem mal-Emirates u vera bqajt impressjonata u spirati ħafna u minn dik il-ġurnata għedt din il-linja għalija.”
Sciberras, li saret bdot ftit tax-xhur ilu innotat magħna kif din it-triq ma kinitx kollha ward u żar, madanakollu qalet kif dan il-vjaġġ għallimha ħafna mhux biss akkademikament iżda anki fejn tidħol id-dixxiplina personali.
Meta kienet mistoqsija dwar l-isbaħ esperjenza li kellha fil-karriera tagħha s’issa, Sciberras semmiet l-ewwel titjira waħidha.
Hi stqarret, “L-iktar esperjenza li nibqa’ niftakar żgur hija s-solo flight meta tirt l-ewwel darba waħdi. Vera ħassejtni eċitata u nervuża għal-ewwel imma imbagħad qisni x’ħin tirt ikkalmajt u għedt m’jien ħa nagħmel xejn ġdid imma imbagħad x’ħin tirt ħassejtni qisni qeda l-ġenna.”
Sciberras stqarret ukoll kif tixtieq li tkompli l-istudji tagħha f’pajjiżna hekk kif hawn numru ta’ skejjel li jipprovdu t-taħriġ neċessarju. L-għan aħħari tagħha jkun li tkun tista’ ttajjar ajruplani kummerċjali u aktar tard tikseb it-titlu ta’ kaptan.