Fil-limiti tal-Aħrax tal-Mellieħa bħalissa għaddejja operazzjoni ta’ salvataġġ għal persuna li sabet lilha nnifisha f’diffikultà waqt li kienet qed tgħum.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-16:30 u minn stħarriġ preliminari li sar mill-Pulizija tad-Distrett, irriżulta li żewġt irġiel ta’ 21 sena u 29 sena mill-Bangladesh, kienu niżlu jgħumu fl-imsemmija nħawi u sabu ruħhom f’diffikulta.
Huwa mifhum li dawn l-irġiel kienu fi grupp ta’ 4 u r-raġel ta’ 21 sena rnexxielu jitla’ fuq l-art filwaqt li l-persuna l-oħra ma telax.
Fuq il-post ġiet imsejħa ambulanza li ħadet lir-raġel ta’ 21 sena l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.
Sadanittant il-ġuvni l-ieħor ta’ 29 sena għadu qed jiġi mfittex mill-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta permezz ta’ helicopter u patrol boat, assistiti mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili, il-Pulizija tad-Distrett, il-Pulizija tal-Komunita’ tal-Mellieħa u team mediku minn Mater Dei.
It-tfittxija għadha għaddejja.