Raġel ta’ 55 sena min-Naxxar ittieħed l-Isptar Mater Dei b’urġenza fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi fi sparatura fl-Iklin.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-3:30 ta’ waranofsinhar fi Triq il-Wied.
Il-Pulizija qalet li l-argument seħħ wara ħabta bejn żewġ karozzi tat-tip Peugot 208 u Toyota Tercel.
Fuq il-post, il-kelliem tal-Pulizija Brandon Pisani qal lill-midja li ftit ’l isfel mill-ħabta, il-Pulizija sabu lill-vittma mixħut fl-art.
L-allegat aggressur, li huwa żagħżugħ ta’ 24 sena mill-Iklin, ġie arrestat fuq il-post mill-Pulizija.
Il-kelliem tal-Pulizija qal li fuq il-post tar-reat instab senter li ġie elevat mill-Pulizija, u bħalissa għaddejjin l-investigazzjonijiet meħtieġa biex ikun magħruf jekk din kinitx l-arma li ntużat fir-reat.
Intqal kif il-vittma ttieħed l-Isptar Mater Dei, fejn bħalissa qed jiġi operat.
F’dan l-argument ġew sparati tliet tiri u l-vittma ntlaqat fin-naħa tal-lemin ta’ spalltu.
Sa issa għadu mhux magħruf x’kien il-mottiv wara dan l-argument u l-kundizzjoni tal-vittma għadha mhix magħrufa.
Fuq il-post, b’xena ta’ demm iċarċar mal-ħajt flimkien mal-karkur tal-vittma, hemm diversi uffiċjali tal-Pulizija li għalqu t-toroq tal-madwar u għaddejjin bl-investigazzjonijiet.
Dwar il-każ inħatret Inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Nadine Lia.
Ritratt tal-allegat aggressur: Times of Malta