Il-Ħamis 4 ta’ April 2024. In-Nutar Myriam Spiteri Debono se tinħatar il-ħdax-il President tar-Repubblika ta’ Malta.
X’se jiġri eżatt?
Il-President elett Myriam Spiteri Debono se titlaq minn darha f’Birkirkara fi triqitha lejn il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.
Hawnhekk se ssir quddiesa solenni kkonċelebrata mill-Arċisqof Charles Scicluna. Preżenti għall-quddiesa, flimkien mal-President eletta, se jkun hemm ukoll il-President uxxenti George Vella u l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, inklużi l-Prim Ministru Robert Abela, l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia u anke deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra.
Wara l-quddies, Myriam Spiteri Debono, akkumpanjata minn qrabatha, se timxi mill-Kon-Katidral għal Triq ir-Repubblika sakemm tasal fi Pjazza San Ġorġ u tidħol fil-Palazz tal-Gran Mastru.
Il-President eletta Spiteri Debono tidħol fil-Palazz tal-Gran Mastru, li hu wkoll sede uffiċjali Presidenzjali, flimkien mal-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia.
Wara, il-Gwardja tal-Unur tal-Forzi Armati ta’ Malta titlaq minn quddiem il-bini tal-Parlament f’Misraħ il-Ħelsien għal Pjazza San Ġorġ, quddiem il-Palazz tal-President.
L-ewwel ma jasal ikun il-Prim Ministru Robert Abela, li se jingħata s-salut nazzjonali u jindaqqu battuti mill-Innu Malti. Malli l-Prim Ministru jidħol fil-Palazz tal-Gran Mastru, l-Ispeaker tal-Parlament jiftaħ is-seduta speċjali Parlamentari fis-Sala tat-Tron.
F’dan il-ħin, fi Pjazza San Ġorġ, jasal il-President uxxenti George Vella, fejn jispezzjona l-Gwardja tal-Unur għall-aħħar darba bħala l-għaxar Kap tal-Istat Malti fl-aħħar ħamsin sena.
Wara, il-President Vella jiġi eskortat sas-Sala tat-Tron fil-Palazz tal-Gran Mastru, fejn se tkompli s-seduta speċjali tal-Parlament. Hawnhekk il-President uxxenti jintlaqa’ mal-Ispeaker Anġlu Farrugia u s-suċċessura tiegħu Myriam Spiteri Debono.
Fis-Sala tat-Tron, Spiteri Debono se tieħu l-ġurament bħala l-ħdax-il President tar-Repubblika, waqt li eżatt wara tindaqq il-fanfarra minn membri tal-Forzi Armati ta’ Malta u jiġu sparati wieħed u għoxrin tir mill-Batterija tas-Salut fil-Belt Valletta.
Wara hu mistenni mill-President il-ġdida li tagħmel l-ewwel diskors tagħha fl-ogħla kariga ta’ pajjiżna.
Wara, kif inhi t-tradizzjoni, il-President Spiteri Debono toħroġ mill-gallarija prinċipali tal-Palazz tal-Gran Mastru biex issellem lill-folla preżenti fi Pjazza San Ġorġ.
Il-President, imbagħad, toħroġ fil-Pjazza bil-mixi biex hawnhekk tispezzjona l-ewwel Gwardja tal-Unur tagħha u ftit wara tgħaddi l-flypast mill-Iskwadra tal-Ajru tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Hi tħalli Pjazza San Ġorġ fit-triq lejn il-Monument tal-Gwerra fil-Furjana, fejn ukoll, b’mod tradizzjonali, tpoġġi kuruna tal-fjuri u tfakkar lill-vittmi tal-Gwerra.
Wara l-President il-ġdid se tmur lejn il-Palazz ta’ Sant Anton fejn tiltaqa’ għall-ewwel darba mal-ħaddiema li jieħdu ħsieb ir-residenza uffiċjali Presidenzjali.
Hemmhekk il-President Spiteri Debono jkollha żjarat ta’ korteżija, l-ewwel mill-Prim Ministru Robert Abela u sussegwentement mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.