Madwar sbatax fil-mija tal-istudenti fi ħdan skejjel tal-istat għandhom għeruq barranin.
Għal dan il-għan, it-Taqsima għat-Tagħlim tal-Migranti li twaqqaf lura fl-elfejn u erbatax, jagħti appoġġ lil dawk it-tfal flimkien mal-familji li ġejjin minn xtajta ‘l bogħod minn dawk Maltin.
F’dawn l-aħħar tliet snin din it-taqsima laqgħet u rreġistrat kważi elf u tmien mitt student biex ikollhom aċċess għall-iskejjel tal-istat.
Fil-Ħamrun ġie inawgurat bini ġdid minn fejn it-tim fi ħdan it-Taqsima għat-Tagħlim tal-Migranti ikun jista’ jħabrek biex ikun ta’ sostenn filwaqt li jkompli jilħaq miri internazzjonali u Ewropej.
“Qed inkomplu nsaħħu u nibnu fuq dak li dejjem xtaqna naslu għalih. Il-viżjoni li nkunu inklussivi, u nkunu dejjem frontliners fejn tidħol sistema edukattiva.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana għamlet emfasi partikolari fuq il-prinċipju tal-inklużjoni fl-edukazzjoni biex anki persuni li ġejjin minn pajjiżi differenti jkollhom l-opportunità jirċievu t-tagħlim.
“Tagħlim, tagħlim importanti, tagħlim b’mod differenti iva imma illi huwa mmirat u huwa bżonnjuż għal tfal li ġejjin minn pajjiżi oħrajn. Hawnhekk ukoll nagħtu appoġġ u sosten lill-ġenituri, lill-familji wkoll biex ikollna tisħieħ ukoll tal-inklużjoni u tal-integrazzjoni mhux biss tat-tfal imma wkoll fost l-adulti.”
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Stefan Zrinzo Azzopardi, li semma kif permezz ta’ investiment b’fondi Ewropej dawn it-tfal u l-familji tagħhom ser ikomplu jsibu appoġġ fi ħdan it-taqsima bil-għan li jiksbu suċċess fil-ħajja edukattiva tagħhom.
“Hawnhekk qegħdin naraw proġett li permezz tiegħu tfal u żgħażagħ li ġejjin minn pajjiżi terzi jkunu jistgħu jiġu megħjuna ħalli nżidulhom il-possibilità tagħhom li jkollhom tagħlim b’suċċess fis-sistema edukattiva tagħna.”