F’Marzu Malta mistennija jkollha r-raba’ vaċċin għall-Covid-19, tal-kumpanija Johnson & Johnson.
Qal dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fuq il-programm XTRA ma’ Saviour Balzan imxandar fuq l-istazzjon nazzjonali.
Id-Deputat Prim Ministru qal, “F’Marzu ħa jkollna r-raba’ vaċċin illi huwa l-vaċċin tal-Johnson & Johnson, Janssen. Għandna madwar kwart ta’ miljun doża għal Malta, inżiduhom mal-oħrajn u l-vantaġġ tal-Jansen hu li għandek bżonn doża waħda biss mhux żewġ dożi. U allura għall-April, bl-AstraZeneca, bil-Pfizer u l-Moderna u bil-Janssen ħa nkunu f’pożizzjoni fejn iżidu sew l-ammont ta’ nies li jkunu qegħdin jitlaqqmu.”
Il-Ministru għas-Saħħa spjega wkoll li f’Mejju mistenni jibda jitlaqqam il-pubbliku inġenerali hekk kif il-programm ta’ tilqim ta’ pajjiżna miexi b’ritmu tajjeb ħafna, tant li faxex differenti tal-popolazzjoni qed jitlaqqmu qabel previst.
Meta kien mistoqsi: “Meta tgħidli qed niftħu għall-pubbliku qed nitkellmu dwar l-aħħar t’April, Mejju, x’qed ngħidu?”
Id-Deputat Prim Ministru wieġeb: “Mela l-pjan tagħna kien li niftħu għall-pubbliku ġenerali, pero kif ġieli semmejt diġà qarrabna bi ħmistax u la darba jkollna l-vaċċin ta’ Johnson & Johnson, li qegħdin nistennew għal Marzu li ġej inkunu nistgħu nqarrbu aktar biex jekk Alla jrid mhux fl-aħħar ta’ Mejju imma forsi anki lejn il-bidu ta’ Mejju.”