Il-grupp popolari Winter Moods jinsabu lura fix-xena tal-mużika lokali, b’kanzunetta ġdida mill-album tagħhom ‘The Journey’. Kien il-ħsieb li l-Kanzunetta, li ġġib l-istess isem tal-album, toħroġ is-sena li għaddiet biex tfakkar il-35 sena anniversarju ta’ Wintermoods u tkun parti minn kunċert kbir, iżda l-pjanijiet sfaxxaw fix-xejn minħabba l-pandemija tal-Covid19.
Il-Kanzunetta kienet inspirata minn Juan Barbara, ġuvnott ta’ 14-il sena, li kkumbatta l-marda tal-kanċer u li sfortunatament ħalla din id-dinja. Juan ħalla marka speċjali fuq Ivan Grech, il-kantant ta’ Winter Moods, tant li żvillupat din il-kanzunetta.
”Juan kien jiġġieled kontra l-kanċer, iżda ma wera’ l-ebda dgħjufija. Kull ma kien jimpurtah kien li jgħin lil ħaddieħor u jiżgura li n-nies ta’ madwaru kienu jitbissmu u kuntenti. Bqajna f’kuntatt. Din il-kanzunetta hija ġieħ lil Juan, il-kuraġġuż biex it-tama li ħalla warajh ma titmermirx”
Ivan Grech, il-kantant ta’ Winter Moods, dwar Juan
Tista’ ssegwi l-kanzunetta ”The Journey” hawn:
Winter Moods qed jittammaw li s-sena d-dieħla, fl-2022 ikunu jistgħu itellgħu kunċert li għalkemm naqra tard, ifakkar il-35 anniversarju mit-twaqqif ta’ dan il-grupp li tant għamel suċċess fix-xena mużikali ta’ pajjiżna.