Ruslana Grima hija tfajla ta’ sbatax-il sena li ilha tipprattika l-bowling b’mod professjonali għal madwar sitt snin. Riċentament hija rebħet il-Gold Cup, fil-bowling.
Lil Ruslana ltqajna magħha waqt li kienet qed titħarreġ. Hija esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li mhux biss rebħet dan il-premju imma hija l-iżgħar mara li rebħet dan il-premju.
Ruslana spjegatilna l-impenn li jinvolvi dan l-isport.
“Ħafna xogħol u dedikazzjoni għall-isport, niġu kuljum nittrenjaw u li rbaħt il-Gold Cup għalija jfisser li x-xogħol kollu li qed nagħmel qed iġib ir-riżultati tiegħu.”
Qaltilna wkoll x’inhuma l-aspirazzjonjiet tagħha fejn jidħol dan l-isport.
“Sejra l-European Youth Championships f’Settembru li ġej u nixtieq li nġib xi midalji u unuri għal Malta. Fil-futur nixtieq nikkompeti f’Malta u anke barra u nġib xi unuri wkoll. Nixtieq personalment li nagħmel it-300 game, li hija l-perfect game, Kif ukoll nitjieb iżjed fil-logħba tiegħi.”
Tkellimna wkoll mal-kowċ tagħha, Mark Spiteri, li fissrilna x’jirrikjedi biex wieħed jipprattika dan l-isport b’mod professjonali.
“Meta tibda fit-teknikalità tal-logħba, x’tip ta’ blalen se tuża, kif se nattakkaw, il-pattern li hemm. Hemmhekk jirrikjedi ħafna taħriġ, ħafna repitizzjoni u accuracy kbira, għax fuq kollox huwa sport ta’ targeting.”
Ruslana u l-kowċ tagħha Mark appellaw biex aktar nies, b’mod partikolari żgħażagħ iżommu ruħhom attivi, billi jipprattikaw xi sport.
“Għal dawk iż-żgħażagħ li qed jipprattikaw xi sport ngħidilhom taqtgħux qalbkom għaliex fil-ħajja kulħadd ifalli xi dara. Jien inħobb ngħid li tfalli vera meta tieqaf tipprova.”
“Ħudu l-isport, ħuduh b’serjetà u jiswielkom għall-ħajjitkom kollha.”