Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab fi Glasgow fl-Iskozja għal konferenza globali tal-COP26, li se tiddiskuti t-tibdil fil-klima.
Mal-wasla tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela ġie milqugħ mill-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson u s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, António Guterres.
Il-Prim Ministru Malti se jkun qed jindirizza l-konferenza għada iżda f’kummenti li ta waqt din il-Konferenza, Dr Abela qal li din il-Konferenza hija importanti għad-dinja u l-mexxejja qed jifhmu l-kobor tal-isfida tat-tibdil fil-klima.
Il-Prim Ministru ta’ Malta qal li rridu naħdmu b’kollettiv biex nindirizzaw it-tibdil fil-klima.
Huwa qal li mbagħad kull pajjiż għandu l-miri u l-miżuri tiegħu u hawn semma numru ta’ miżuri ambjentali li għadu kif ħabbar il-Gvern fil-Budget.