Kompliet tikber il-flotta tad-Dipartiment tal-Protezzjoni ċivili hekk kif ġew introdotti żewġ vetturi ndustrijali tat-tifi tan-nar u vettura tal-għamla USAR u żewġ pods mgħammra b’apparat tas-selvataġġ.
Dawn iż-żewġ vetturi tat-tifi tan-nar se jibdew jintużaw f’sitwazzjoni ta’ nar fil-Power Station ta’ Dellimara jew nar massiv f’żoni lokali. Iż-żewġ vetturi tat-tifi tan-nar huma kapaċi jifilħu 10,000 litru ilma, 2,000 litru foam u 250kg trab li jitfi l-fjammi.
Huma kapaċi wkoll jwasslu l-ilma sa 70 metru l-bod. Fl-indirizz tiegħu fil-konferenza il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia spjega kif diġa sar it-taħriġ neċessarju sabiex dawn l-vetturi jitħaddmu bl-aħjar mod possibli u spjega kif tul din is-sena bħala parti mill-proċess ta’ bidla fil-flotta tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, ġew introdotti 12-il vettura ġdida.