L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara qalet fi stqarrija li ġiet mgħarrfa bil-filmat li nxtered fuq il-midja soċjali li juri l-isfreġju ambjentali li qed isir b’mod kontinwu u mistur fuq il-kosta ta’ wara tal-Forti Ricasoli għal ġol-baħar tal-madwar. Dan mhux biss jidher li huwa mingħajr il-permessi meħtieġa u għalhekk illegali, iżda huwa ukoll ta’ dannu ambjentali għaż-żona kollha u dawk li jagħmlu użu minnha saħqet l-assoċjazzjoni.
Wirt il-Kalkara tiddeplora u tikkundanna b’mod assolut dan l-aġir. Filwaqt li matul din il-ġimgħa sar rapport lill-Pulizija dwar din l-illegalità, l-Assoċjazzjoni tappella u tinsisti sabiex l-awtoritajiet kompetenti jieħdu azzjoni immedjata. Il-poplu tal-Kalkara u l-binjiet storiċi tal-lokalità jixirqilhom ferm aħjar.