“Ninsab hawnhekk fil-pjazza, warajja l-Assemblea ġenerali, il-Parlament tal-Bulgarija, hawnhekk bl-eluf minn tagħhom, fl-aħħar xhur ġew bosta dimostranti jipprotestaw kontra l-Prim Ministru Boyko Borissov li propju għandu allegazzjonijiet serji u bdew jipprotestaw fuq allegazzjonijiet li bdew jippuntaw lejh dwar korruzzjoni u saħansitra anki ħasil ta’ flus. Bosta mid-dimostranti kellhom kartelluni f’idejhom, kellhom wiċċ l-Ewro Parlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola u bdew isejħulha bħala Mrs Mafia wara li propju dawn l-istess dimostranti li bdew jipprotestaw biex l-istituzzjonijiet iservu lil poplu Bulgaru, għat-tisħiħ tad-demokrazija, għat-tisħiħ tas-saltna tad-dritt, saħansitra ġew akkużati huma li huma ffinanzjati minn gruppi tal-mafja.”
Dawn kienu x-xeni li dehru fuq il-midja internazzjonali, poplu rrabjat mhux biss għall-Gvern tiegħu iżda wkoll partikolarment għal Roberta Metsola u Manfred Weber, illum għandu assistent tiegħu lill-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
Kienu rrabjati għaliex f’riżoluzzjoni fuq il-Bulgarija, Metsola ppruvat tgħaddi emendi meqjusa bħala skandalużi, li bihom titfa’ dell ikrah fuq id-dimostranti u tiddefendi l-Gvern ta’ Borissov, li l-partit tiegħu huwa parti mill-istess familja msieħeb fiha l-Partit Nazzjonalista, dik tal-Partit Popolari Ewropew.
Borislav Sandov, wieħed mill-Partit tal-Ħodor fil-Bulgarija, attivist li daq il-vjolenza tal-forzi leali lejn Borissov, tkellem magħna meta ltqajna miegħu fiċ-ċentru tal-kapitali Bulgara.
Mistoqsi x’qalet Metsola fuq id-dimostranti, Sandov wieġeb hekk.
Qal, “Totalment falz, dikjarazzjoni totalment falza minn Metsola. Jien ktibt fuq twitter u anki ktibtilha ittra. Naħseb dik kienet l-pożizzjoni tal-partit tagħha f’isem anki l-grupp tal-EPP għaliex l-Gvern tagħna kien immexxi minn partit membru tal-EPP. Il-partit ta’ Borissov, GERB, huwa parti mill-EPP.”
Sandov, illum Membru Parlamentari frisk li tela’ mill-attiviżmu fil-Bulgarija wara l-elezzjonijiet parlamentari, kmieni x-xahar li għadda, jinsab iddisgustat bl-aġir ta’ Metsola.
Qal, “Jien naħseb dak kien abbuż. Li tgħid li dawk in-nies kienu ffinanzjati mill-mafja meta aħna konna qed nippruvaw nitolbu għad-demokrazija, u qed nagħmlu dan waħidna u għas-saltna tad-dritt. Dak (l-aġir ta’ Metsola) kien verament skandaluż.”
Il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech baqa’ jiddefendi lil Metsola, li titkellem ħafna fuq is-saltna tad-dritt ta’ pajjiżna iżda vvutat kontra riżoluzzjoni dwar is-saltna tad-dritt fil-Bulgarija.
Quddiem dan kollu, l-attivisti Bulgari qed jisħqu li tal-inqas jippretendu apoloġija minn Metsola.
Qal, “Twaħħal fin-nies li kienu qed jitolbu għad-demokrazija, li kienu parti minn protesti mħallsa. Xi ħaġa tassew redikola! Naħseb li ċ-ċittadini Bulgari jixirqilhom apoloġija.”
“Warajja l-binja tal-qalba tal-Gvern tal-Prim Ministru Bulgaru Boyko Borissov. Riċentament hawnhekk kien hawn l-elezzjonijiet u l-futur politiku tal-Bulgarija għadu inċert. Ħaġa hija ċerta li l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti David Casa iżda primarjament anki Roberta Metsola laqgħu u kienu ta’ spalla għall-Gvern Bulgaru ta’ Boyko Borissov li għandu allegazzjonijiet serji fuq rasu u kien hawn il-protesti fuq id-demokrazija u t-tisħiħ tas-saltna tad-dritt f’dan il-pajjiż. Edward Montebello mill-kapitali Bulgara Sofia, għal ONE News.”