Fl-ewwel ftit sigħat ta’ jum l-omm kien twieled l-ewwel wild u sas-siegħa ta’ wara nofsinhar kienu twieldu sebgħa oħra.
F’dan il-jum speċjali, ONE news żar l-Isptar Mater Dei fejn iltqajna ma’ żewġ koppji li b’emozzjonijiet kbar ta’ ferħ fuq wiċċhom qasmu magħna l-esperjenzi tagħhom. Jum l-omm li t-tnejn se jibqgħu jiftakru hekk kif it-tieni wild tagħhom tahom rigal doppju għal jum tant għażiż għalihom.
Rodianne u Alan Bugeja, omm u missier iċ-ċkejken Dale qalu li kienet sorpriża għalihom li t-tifel tagħhom twieled propju f’jum l-omm.
“Għalkemm konna qed nistennewha minn mument għall-ieħor xorta tibqa’ sorpriż mill-fatt li kellha tiġi propju f’jum l-omm, jiġifieri rigal doppju tista’ tgħid”
“L-isbaħ rigal hux, ma hemmx rigal isbaħ milli jkollok tifel jew tifal”
Intant, il-kopja Daniela u Rodney Ellul flimkien ma’ binthom Elise Marie u t-tarbija Elena Rose qasmu l-ferħ tagħhom magħna hekk kif il-wasla taċ-ċkejkna ġiet qabel ma kien mistenni.
“Ovvjament tarbija dejjem ħa ġġib ferħ u konna qed nistennewa. Ma konniex qed nistennewha llum għax ġiet qabel. Jiġifieri kienet sorpriża doppja u ferħa doppja”
“ġiet qabel, kważi tliet ġimgħat qabel u għażlet ġurnata speċjali għan-nisa kollha li għandhom it-tfal, happy mother’s day lilha”
Elise Marie wkoll esprimiet il-ferħ tagħha għall-irwol il-ġdid bħala oħt.
“Ferħana ħafna għax fl-aħħar għandi oħti”
Iż-żewġ koppji rringrazzjaw lill-familji tagħhom għas-sapport kif ukoll lill-ħaddiema tal-isptar għad-dedikazzjoni tagħhom.
Tkellimna wkoll ma’ Isabelle Aquilina, qabla u omm ta’ żewġt itfal li propju f’jum l-omm kienet xogħol biex tgħin lill-ommijiet f’jum tant speċjali.
“Aħna l-qwiebel li jkollna t-tfal tagħna d-dar, inħalluhom ftit warajna biex naqsmu l-imħabba tagħna ma’ l-ommijiet li llum kellhom tarbija jew li ser ikollhom tarbija li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna”
Aquilina semmiet kif mhux kull omm tista’ taqsam dan l-istess ferħ.
“Din il-ġurnata speċjali wkoll naħsbu għal dawk l-ommijiet li forsi qatt ma żammew lit-tarbija tagħhom f’idejhom, imma jġorruha għal dejjem ġo qalbhom”
F’messaġġ komuni bejn il-kopji li llum laqgħu lit-trabi tagħhom fil-familja, sellmu wkoll lin-nisa kollha li jieħdu l-irwol ta’ omm u awguraw lil kull mara li bħalissa qed tistenna t-tarbija tagħha biex ikollha ħlas feliċi. Filwaqt li għamlu kuraġġ lil kull mara li għadejja minn mumenti mhux daqstant sbieħ.