Tliet persuni ġew arrestati fir-Renju Unit fuq suspett li ffurmaw parti minn grupp ta’ kriminalita organizzata li fi Frar li għadda ihhekkjaw u serqu 13-il miljun ewro mill-Bank of Valletta.
Il-Kummissjoni Għolja tar-Renju Unit qalet fi stqarrija li t-tliet persuni ġew arrestati f’Belfast u Londra f’investigazzjoni dwar ħasil ta’ flus marbut ma’ serqa permezz tal-internet mill-istess bank fi Frar tas-sena li għaddiet.
Diversi kontijiet intużaw biex jiġu trasferiti l-flus bihom fosthom wieħed f’Belfast fl-Irlanda ta’ Fuq li fih ġew trasferiti 800,000 Sterlina. Fis-sigħat ta’ wara saru numru ta’ pagamenti b’kard u ġbid ta’ flus kontanti, għal total ta’ 340,000 Sterlina qabel mal-kont ġie mblukkat.
Il-pagamenti saru fost oħrajn fi ħwienet li jbiegħu oġġetti ta’ valur għoli bħal Harrods u Selfridges f’Londra. Mal-110,000 Sterlina tħallsu fuq arloġġi Rolex f’ħanut f’Londra filwaqt li saru wkoll pagamenti fuq karozza Jaguar u Audi A5.
L-istqarrija qalet li b’dan il-każ l-awtoritajiet Maltin avżat lill-Aġenzija Nazzjonali tar-Reati fir-Renju Unit li bdiet tinvestiga lil dawk li kienu wara l-pagamenti.
Dan wassal għal arrest ta’ żewġt irġiel, wieħed ta’ 22 sena u l-ieħor ta’ 17-il sena waqt raids f’Londra l-ġimgħa li għaddiet. Dan filwaqt li matul il-jum tal-Ħamis ġie arrestat raġel ieħor ta’ 39 sena f’Belfast fuq suspett ta’ ħasil ta’ flus, frodi u serq.
Dan filwaqt li persuni oħra suspettati qed ikunu mfittxija fl-istess investigazzjoni. Il-kmandant tal-Aġenzija f’Belfast qal li l-investigazzjoni saret bl-għajnuna tat-taqsima tar-Reati Ekonomiċi tal-Pulizija Maltija. L-investigazzjoni ħarset lejn numru ta’ persuni li huma susspettati li kienu involuti f’ħasil ta’ flus f’isem il-grupp ta’ kriminalita organizzata li wettqu s-serqa.
Last week officers arrested two males in London.
Today NCA officers, supported by officers from the @PoliceServiceNI, executed two warrants in the north and west Belfast areas, arresting a man on suspicion of money laundering offences, fraud and theft. pic.twitter.com/SBKYsyaSNn
— National Crime Agency (NCA) (@NCA_UK) January 30, 2020