Tifel ta’ seba’ snin mill-Isla qed isofri minn ġrieħi gravi wara li l-vettura li kien riekeb fiha kienet involuta f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq Kordin f’Raħal Ġdid.
Irriżulta li fin-12:30 at-Tnejn filgħodu, karozza tat-tip Volkswagen Passat misjuqa minn ġuvni ta’ 24 sena mill-Fgura ħabtet f’karozza tat-tip Nissan March, li kienet qed tinstaq minn mara ta’ 35 sena mill-Isla.
F’din l-istess vettura kien hemm it-tifel ta’ seba’ snin.
Ġara wkoll li bl-impatt bejn iż-żewġ vetturi, in-Nissan baqgħet dieħla f’vettura tal-pulizija, li kienet fuq il-post minħabba roadchecks li kienu qed isiru.
Fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku mill-Isptar Mater Dei.
It-tliet persuni ttieħdu l-isptar għall-kura, bit-tifel ikun iċċertifikat li sofra ġrieħi gravi, il-mara sofriet ġrieħi ħfief, filwaqt li l-ġuvni ma sofra l-ebda ġrieħi.
Fl-inċident intlaqtet ukoll vettura tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.