Waqt intervista mas-sit LovinMalta, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kien skorrett fl-ammont ta’ nies li tlaqqmu kontra l-Coronavirus sal-aħħar tax-xahar li għadda.
Wara li d-deputat tiegħu Maria Deguara nqabdet ma tafx kemm hi r-rata ta’ tilqim f’pajjiżna, Bernard Grech qal li sal-aħħar ta’ Jannar tlaqqmu biss tnax-il elf persuna.
“Illum fl-immaniġġjar huwa evidenti għal darb’oħra, sirna nafu li f’Jannar ġew amministrati 23,000 doża ta’ tilqima tal-vaċċin tal-Covid. Jiġifieri għandna sitwazzjoni fejn 12,000 ruħ ħadu l-vaċċin.”
Dak li qal Bernard Grech mhuwiex minnu, anki skont ċifri uffiċjali maħruġa mill-Ministeru għas-Saħħa hekk kif sal-aħħar ta’ Jannar ingħataw aktar minn sebgħa u għoxrin elf doża, bi kważi erbat elef minnhom kienu tat-tieni doża.
Dan ifisser li allura skont iċ-ċifri uffiċjali sal-aħħar ta’ Jannar tlaqqmu qrib l-erbgħa u għoxrin elf persuna, id-doppju ta’ dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni. ngħataw.
Saħansitra l-ġurnalist li kien qed jistaqsi kkorreġa lil Bernard Grech.
“Biex inkunu iktar ċari, hemm iktar minn 12,000 għax kien hawn inqas min nofshom li ħadu t-tieni doża s’issa.”
Meta Bernard Grech kien mistoqsi dwar kemm jagħti punteġġ dwar il-ħidma tal-Gvern waqt il-pandemija huwa qal hekk.
“Kieku kelli nagħti score, nagħti 6 ħalli nkun daqsxejn ħanin.”
Il-Kap Nazzjonalista qal dan meta l-ġimgħa li għaddiet ħareġ studju minn istitut fl-Awstralja li kien anki rrappurtat fit-Times fejn pajjiżna ġie kklassifikat bħala l-erbatax-il pajjiż fid-dinja fl-amministrar tal-pandemija.
Malta anki għandha l-ogħla rata ta’ tilqim fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, bir-rata hija saħansitra iktar mid-doppju tal-medja Ewropea.
Imbagħad meta kien mistoqsi dwar kemm jagħti punti lill-kumitat tiegħu tal-Covid, Bernard Grech reħa jdejh, anki jekk dan il-kumitat kien qal li l-vaċċin mhuwiex is-soluzzjoni.
“Skont mill-1 sa 10 għax-xogħol li għamel il-Covid Action Team tal-PN?”
“Mela l-Covid Action Team tal-PN jien naħseb li 7.5, 8.”
Fl-intervista ġiet diskussa wkoll il-kwistjoni tal-istazzjoni politiċi, b’Bernard Grech jammetti li l-Partit Nazzjonalista għadu jħaddan politika kontra l-istazzjonijiet politiċi
“F’Diċembru 2019, il-PN ħarġet dan il-policy, tiftakruha tad-demokrazija nsomma u qed jgħid li wasal iż-żmien għal riforma fil-PBS u meta dan biex inkun iżjed indipendenti meta dan iseħħ il-partiti jistgħu jagħlqu l-istazzjonijiet politiċi, il-policy għadha fis-seħħ?”
“Mela l-ewwel ħaġa dik għadha fis-seħħ għax ma biddilnihiex. ”
Waqt l-istess intervista, Bernard Grech qal li jekk il-Partit Nazzjonalista jkun fil-Gvern, iġib ix-xandir nazzjonali kif kien fi żmien Lawrence Gonzi.
“Il-Partit Nazzjonalista jekk ikun fil-gvern se jkun qiegħed jagħmel ħiltu kollha biex iġib ix-xandir nazzjonali lura lejn normalita kif kien qabel l-2013.”