L-Erbgħa filgħodu kompliet l-inkjesta maġisterjali dwar il-kwerela li fetaħ il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-ġustizzja Jason Azzopard kontra s-suldati.
L-investigazzjonijiet kienu iffukati fl-iskwadra marittima tal-Armata, f’Xatt it-Tiben.
L-inkjesta hi mmexxija mill-Maġistrat inkwirenti, l-Maġistrat Joe Mifsud.
Preżenti f’Xatt it-Tiben kien hemm ukoll l-espert tal-Qorti Martin Bajada u uffiċjali mill-korp tal-pulizija.
Il-Maġistrat Joe Mifsud tela’ fuq il-patrol boat P52. Hekk kif il-kwerela ġiet ippreżentat kontra l-ħdax-il membru tal-ekwipaġġ ta’ din il-patrol boat.
B’kollox aktar minn erbgħin suldat qegħdin jiġu investigati fuq kwerela li fetaħ Jason Azzopardi.
Dan ikkonfermah l-avukat Herman Mula li qed jagħti l-assistenza legali lis-suldati.
Dr. Mula kien saħaq li s-suldati ċaħdu l-allegazzjonijiet li saru fuqhom u spjega li dawn għaddejin minn trawma wara dejjem għamlu xogħolhom sew biex isalvaw ħajjet ħaddieħor.
Dan l-istazzjon hu infurmat li l-inkjesta bdiet il-Ġimgħa filgħaxija u l-pulizija flimkien mal-esperti tal-Qorti, taħt id-direzzjoni tal-Maġistrat inkwirenti Joe Mifsud baqgħu għaddejjin sa tard bil-lejl bl-istħarriġ tagħhom.