Kaos sħiħ fil-logħba ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2022 bejn il-Brażil u l-Arġentina li ntlagħbet il-Ħadd filgħaxija.
Dan hekk kif ftit minuti biss wara li bdiet din il-logħba, uffiċjali tal-Anvisa flimkien ma’ numru ta’ Pulizija Brażiljana daħħlu ġewwa l-grawnd u ordnaw li titwaqqaf il-partita dak il-ħin stess.
Ir-regolatur tas-saħħa qal li erba’ plejers Arġentini, li jilagħbu fil-Premier League fl-Ingiltera kienu qed jiksru r-regolamenti ta’ kwarantina tal-pajjiż. Tlieta minn dawn l-erba’ plejers kienu fil-formazzjoni inizjali tal-kowċ Lionel Scaloni.
Fi stqarrija maħruġa minn Anvisa ftit ħin wara li l-logħba ġiet sospiża, intqal li r-regolatur iħoss li din is-sitwazzjoni hija riskjuża wisq għas-saħħa pubblika, u kien għal din ir-raġuni li l-logħba twaqqfet. L-Anvisa spjegaw li dawn l-erba’ plajers saħansitra lanqas biss kienu permessi li jidħlu l-Brażil.
Ritratt: Getty/Goal