Mary Pizzuto, anzjana ta’ 94 sena, kienet l-ewwel residenta f’San Vinċenz De Paul li tlaqqmet kontra -Covid-19. Magħha tlaqqmu wkoll erbgħin anzjan u anke l-ħaddiema tal-istess residenza.
Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Michael Farrugia, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul Josianne Cutajar.
Huwa spjega: “Matul din il-ġimgħa, l-anzjani u dawk kollha illi jridu jitlaqqmu se jkunu qegħdin jitlaqqmu. Il-ħaddiema, il-frontliners, illi jaħdmu mal-anzjani se jkunu qegħdin jitlaqqmu. Eventwalment imbagħad se nkunu qegħdin nagħmlu d-djar tal-anzjani mqassmin madwar Malta u Għawdex.”
Tul l-ewwel sitt ijiem ta’ din is-sena se jkomplu jitlaqqmu l-ħaddiema u l-pazjenti ta’ din ir-residenza, kif ukoll il-ħaddiema tal-isptarijiet u l-kliniċi privati, u spiżjara li jaħdmu fil-komunità.
Fis-7 ta’ Jannar se jibdew jintbagħtu l-ewwel ittri lill-anzjani li għandhom iżjed minn 85 sena, biex jingħataw appuntament għat-tilqim.
Il-Ħadd li għadda, Rachel Grech, infermiera li taħdem fit-Taqsima tal-Mard Infettiv, kienet l-ewwel persuna f’Malta li ħadet din it-tilqima.
It-tilqima kontra l-Covid-19 bdiet tingħata wkoll f’Għawdex, bl-ewwel persuna li tlaqqmet kienet Felicienne Cini, infermiera fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.