Issoktat il-ħidma ta’ salvataġġ tal-kontinġent Malti tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Matalya, fit-Turkija.
It-32 uffiċjal u kelb tas-servizz qed jaħdmu f’waħda mill-iżjed żoni milquta bil-qawwa mit-terremot fit-Turkija.
Dawn l-uffiċjali, li qed jaħdmu fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum, qed jaħdmu mhux biss f’kundizzjonijiet ta’ temp kiesaħ ħafna iżda wkoll qed jesperjenzaw it-theżżiżiet li qed iseħħu wara t-terremot. Din il-ħidma tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili mistennija tibqa’ għaddejja matul il-jiem li ġejjin.
Iċ-Chief Assistance Rescue Officer tal-Protezzjoni Ċivili, Kevin Pace, li qed imexxi t-tim Malti fit-Turkija, qal li s-sitwazzjoni hi waħda mimlija sfidi, fosthom fejn tidħol il-komunikazzjoni minħabba l-lingwa u l-elementi tat-temp. Spjega li bħalissa t-tim Malti xogħlu hu li jillokalizza nies li possibbilment huma midruba, u eventwalment dawn jinħarġu minn taħt it-terrapien.
Kevin Pace spjega li, minn binja partikolari, sfortunatament, ħarġu erba’ nies bla ħajja minn taħt it-tifrik.
Sfida oħra għall-uffiċjali Maltin hija bit-tagħmir tal-komunikazzjoni, u qed jintużaw is-satellite phones. F’dan ir-rigward instabet kooperazzjoni sħiħa mill-awtoritajiet Torok.
F’telefonata lill-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili fit-Turkija, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi, u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, qal li huma qed jagħmlu unur lil pajjiżna f’din is-sitwazzjoni iebsa fit-Turkija u fis-Sirja.