Fil-Paroċċa ddedikata lid-Duluri f’San Pawl il-Baħar, is-Sibt ingħatat l-aħħar tislima lil Kacey Lyn Sciberras li tilfet ħajjitha fl-eta tenera ta’ 17-il sena.
Hija sfortunatament tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku fis-sigħat bikrin tal-Ħadd filgħodu f’Ħ’Attard.
Waqt l-omelija, iċ-ċelebrant tal-quddiesa Fr. Joseph Mamo ddeskriva lil Kacey Lyn bħala żagħzugħa ferrieħija, twajba u li tgħin lil kulħadd. Huwa ddeskriviha li dejjem għexet ħajja tajba bi tbissima u għall-oħrajn.
Fi knisja fejn ma kienx hemm fejn toqgħod labra, barra l-familja, għadd kbir ta’ żgħażagħ urew is-sogħba tagħhom għat-telfa ta’ Kacey Lyn Sciberras. Fost dawn, tkellimna ma’ Kurt Galea ċ-Ċhairperson tal-Kumitat Żgħażagħ Ġawhrin ta’ San Pawl il-Baħar li kien emozzjonat bit-telfa ta’ waħda minn sħabu fi ħdan l-istess kumitat.
“Hija telfa kbira qisu bħal meta titlef it-tbissima tiegħek. M’huwa żmien faċli għalina xejn. Kacey kienet persuna li tferrħek, kienet persuna li anki jekk tarak imdejjaq, tiġi mill-ewwel, biex terġa tferrħek. Ma titlaqx jekk ma tarax li tneħħi dak id-dwejjaq li jkollok. Naħseb jiena dik hija waħda mill-akbar affarijiet li ħa nħossu bħala kumitat taż-żgħażagħ, bħala kumitat tal-festi kollu. Kacey kienet parti minnha. Nafuha żgħira, nafuha tilgħab magħna, tifraħ magħna, bkiet magħna f’mumenti. Li nista ngħid żgur ħa tkun f’qalbna dejjem.”
Fuq iz-zuntier, kulħadd kien kelma waħda, Kacey se tibqa dejjem f’qalbna.