Vapur ankrat bejn sema u ilma maqsum min-nofs.
Din kienet ix-xena li ra quddiemu crew ta’ One News meta ħareġ madwar għaxar mili nawtiċi ‘l barra minn Malta sabiex jara x’fadal mit-tanker Lady Sandra.
Kien fil-25 ta’ Marzu li dan il-vapur irreġistrat it-Togo sab lilu nnifsu f’nofs maltempata qalila. Ir-riħ fil-baħar dakinhar saħansitra beda jlaħħaq il-forza 9.
Ftit wara d-disgħa u nofs ta’ filgħaxija, il-Forzi Armati ta’ Malta tidħlilha sejħa għall-għajnuna waqt li l-Landy Sandra kien fil-Grigal ta’ Malta u minnufih tiskatta operazzjoni delikata ta’ salvataġġ f’baħar jibla’ l-art b’mewġ għoli li jlaħħaq il-ħames metri.
Permezz tal-Patrol boat Melita 1 tal-Forzi Armati ta’ Malta flimkien ma’ helikopter, dakinhar ġew salvati tliet baħrin f’sogru liema bħalu.
Illum il-ġurnata l-Lady Sandra għadu ankrat fl-ibħra territorjali Maltin.
F’nofs baħar bħal relikwa ta’ memorji xejn sbieħ għal dawk li fil-25 ta’ Marzu kienu fuqu u għal membri tal-Forzi Armati li f’nofs lejl ipperikolaw ħajjithom fuqu sabiex jaqdu dmirijiethom.
Madankollu jidher li bdiet ħidma sabiex dan il-vapur issa jitneħħa mill-ibħra territorjali Maltin.
Kelliem għal Transport Malta kkonferma ma’ dan l-istazzjon li hemm komunikazzjoni mas-sidien tal-Lady Sandra sabiex jieħdu l-passi neċessarji kollha u kemm jista’ jkun malajr jitneħħew il-fdalijiet ta’ dan it-tanker.
Transport Malta kkonfermat ukoll li s-sidien tal-bastiment qabbdu kumpanija sabiex issegwi u tneħħi l-fdalijiet tal-vapur. Il-parti mill-bastiment ġol-ibħra Maltin tinsab fuq wiċċ l-ilma u ma kienx fiha ebda materjal perikoluż, għaldaqstant m’hemmx riskju.