Id-dieqa li ġġib magħha t-telfa ta’ xi ħadd, kellha tiġi esperjenzata f’età tant bikrija mill-ħbieb tal-klassi ta’ Nicholas Zammit, li s-Sibt filgħodu nġabru fuq iz-zuntier tal-knisja tal-Qrendi, biex wara tant ġranet li għaddew flimkien l-iskola, bil-ward abjad f’idejhom sellmu lil seħibhom li f’tebut ċkejken u abjad daħal fil-pjazza tal-Qrendi għall-aħħar darba.
Iċ-ċkejken Nicholas ta’ seba’ snin, tilef ħajtu l-għada tal-Milied, wara li ntlaqat minn gaffa f’barriera f’Ta’ Kandja fis-Siġġiewi.
Fi knisja ppakkjata bi qlub maqsuma, l-amministratur tal-parroċċa Dun Mario Said stqarr kif il-ħajja tal-bniedem ma titkejjilx bl-età u nnota kif Nicholas ta’ tfajjel li kien, dejjem kien jara kif se jferraħ lil ta madwaru u jgħin lil min ikollu bżonn l-għajnuna.
Innota li fl-istess knisja li ftit ilu għamel l-ewwel tqarbina ma’ sħabu, llum bl-istess ilbies abjad reġa’ ngħaqad ma sħabu.
“Min jaf Nicholas dakinhar x’ħass f’qalbu meta kien se jirċievi għall-ewwel darba lil Ġesú fil-qalb tiegħu. Illum Nicholas qiegħed hawn ukoll liebes il-libsa tal-preċett u filwaqt li iktar tard aħna nirċievu lil Ġesú, Nicholas innifsu llum qiegħed fi ħdan Ġesú. Ġesú qiegħed iħaddnu miegħu.”
Il-paroċċa tal-Qrendi ħarġet bi ħġara biex issellem liċ-ċkejken għall-aħħar darba tant li z-zuntier ukoll kien mimli nies tul il-quddiesa kollha.
Fi tmiem il-quddies, il-folla ħarġet biex għall-aħħar darba titfa ħarsitha fuq it-tebut abjad taċ-ċkejken Nicholas u laqgħetu b’ċapċipa twila qabel beda l-aħħar vjaġġ tiegħu fuq din l-art.