Anzjan ta’ 73 sena minn Ħad-Dingli weġġa’ gravi f’inċident tat-traffiku fil-limiti tal-Girgenti fis-Siġġiewi.
L-inċident seħħ it-Tnejn għall-ħabta tal-5:30 ta’ waranofsinhar.
Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li, għal xi raġuni, il-vittma tilef il-kontroll tal-karozza tal-għamla Smart li kien qed isuq u waqa’ għoli ta’ madwar żewġ sulari ġo siġar f’għalqa.
Il-membri tal-Protezzjoni Ċivili assistew lill-anzjan biex jinħareġ mill-karozza, filwaqt li ngħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku. Il-vittma ttieħed l-Isptar Mater Dei fejn aktar tard ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.