Mindu l-Gvern kiseb mandat ieħor u beda jwettaq il-programm ta’ ħidma għal din il-leġislatura, mill-bidu wera li s-settur tal-housing kien se jkun prijorità. Il-budget għas-sena d-dieħla se jkompli b’aktar ħidma bil-għan li jkun hemm aktar djar soċjali iżda fuq kollox djar affordabbli għaċ-ċittadini.
Fid-dawl li t-tkabbir ekonomiku wassal ukoll għal numru ta’ sfidi, il-Gvern se jagħmel bidla radikali fl-għajnuna li tingħata biex is-suq tal-kera jkun aktar affordabbli. Il-Ministru Scicluna qal li l-għajnuna se tvarja minn massimu ta’ tlett elef ewro għal ħamest elef ewro fis-sena skont iċ-ċirkostanzi tal-familja.
Biex wieħed jibbenefika minn dan is-sussidju jrid jilħaq żewġ kriterji u t-test tal-mezzi se jkun xi ħaġa tal-passat. Is-sussidju qawwi tal-kera jmur id f’id mal-White Paper li nieda l-Gvern dwar is-suq tal-kera u li bosta għaqdiet fosthom il-Caritas, Min Iħaddem u l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi laqgħuha b’mod pożittiv.
Il-Ministru Scicluna fakkar fil-bini ta’ kważi seba’ mitt residenza soċjali b’investiment ta’ ħamsin miljun ewro. Il-budget jolqot b’mod pożittiv ukoll li dawk li jgħoddu aktar minn erbgħin sena u qed isibuha diffiċli li jixtru dar minħabba self mill-banek.
Hawnhekk il-Gvern se jniedi skema fejn dawk li jħallsu mhux inqas min-nofs il-prezz tal-propjetà, il-bank isellef il-kumplament tan-nefqa. Dan filwaqt li dawk f’din l-iskema jħallsu s-self fuq numru ta’ snin, bl-imgħax tal-bank iħallsu l-Gvern.
Il-Gvern ma nesiex lanqas lis-sidien tal-propjetajiet, li għandhom irwol importanti fejn jidħlu djar affordabbli. Filfatt se joħroġ skema li se tagħti inċentiv fiskali lis-sid permezz ta’ tnaqqis ta’ taxxa fuq il-bejgħ tagħha f’każ ta’ kirja affordabbli għal perjodu ta’ seba’ snin.
Il-Gvern qal li ġew identifikati għadd ta’ propjetajiet tal-Gvern li tħallew abbandunati u kif dawn se jiġu rranġati bi skop li jintużaw għal housing soċjali.
Dan ix-xogħol se jsir bi sħab mas-settur privat, filwaqt li l-propjetà tibqa’ tal-Gvern. Il-Ministru tal-Finanzi ħabbar li għal sena oħra estenda l-iskema tal-first time buyers, tas-second time buyers, it-tnaqqis tat-taxxa tal-boll f’każ ta’ xiri ta’ proprjeta f’żoni ta’ konservazzjoni urbana u proprjetà f’Għawdex.