Riċerkaturi sabu evidenza ta’ epidemija tal-Coronavirus 20,000 sena ilu u hija simili tal-virus li qed nesperjenzaw bħalissa.
Dan ħareġ minn studju li sar fl-evoluzzjoni tal-ġenetika umana.
Infatti il-ġenetika tal-lum fiha informazzjoni evoluzzjonarja li tmur lura mijiet ta’ eluf ta’ snin, u għalhekk kien possibbli għar-riċerkaturi biex jagħmlu l-iskoperta li eluf ta’ snin ilu faqqgħet epidemija fil-Lvant tal-Asja.
F’ dan l-istudju li sar minn riċerkaturi fl-Università ta’ Ariżona u l-Università ta’ Adelaide ħadu sehem fih mal-2,500 persuna minn madwar 26 popolazzjoni differenti minn madwar id-dinja.
Ir-riċerkaturi użaw metodi kompjuterizzati biex isibu traċċi ġenetiċi tal-virus li kien ukoll kaġun ta’ tliet tifqigħat fl-aħħar 20 sena inkluż il-pandemija preżenti tal-COVID-19.
Dan l-istudju sar billi r-riċerkaturi pproduċew proteini umani kif ukoll tal-virus, mingħajr ma’ ntużaw ċelloli ħajjin, li wera, li dawn aġixxew bl-istess mod li jaġixxi virus meta jinvadi ċelloli fil-bniedem.
Professur mid-Dipartiment tal-Ekoloġija u l-Evoluzzjoni Bioloġika fl-Università ta’ Arizona tenna li din ir-riċerka ma sabitx il-virus direttament, iżda t-traċċi tiegħu li ħalla fil-ġenetika tal-bniedem.
Filfatt, ir-riżultati ta’ din ir-riċerka wrew li l-antenati tan-nies tal-Lvant tal-Asja partikolarment ġejjin fosthom miċ-Ċina u l-Ġappun kienu esperjenzaw epidemija ta’ marda kkawżata mill-Coronavirus simili għal dak li qed nesperjenzaw bħalissa, jiġifieri tal-COVID-19.