Mat-tokki tat-tmienja tat-Tnejn filgħodu l-istudenti bdew jidħlu lura l-iskola wara l-btajjel tal-Milied u l-istrajk li sar il-Ħamis u l-Ġimgħa. Ħerqana li se jerġgħu jiltaqgħu ma’ sħabhom, bosta li t-Tnejn filgħodu kienu fi triqithom lejn l-iskola primarja ta’ Birżebbuġa, qalulna li huma jinsabu kuntenti li se jerġgħu jkunu fuq il-bank tal-iskola biex jitgħallmu fil-klassi.
It-tfal li tkellmu ma’ ONE News qalu:
- “Ferħana għax idejjaqt ġewwa.”
- “Tajjeb ħafna li reġa’ dieħel l-iskola għax id-dar nidejjaq allura qed nieħu gost li se nerġa’ niltaqa’ ma’ sħabi.”
- “Qed inħossni kuntenta għax ħa nerġa’ nara l-ħbieb u qed inħossni kuntenta għax ħa nerġgħu nibdew l-iskola.”
- “Tajba ħafna għax qiegħda mal-ħbieb u aħjar milli nkun id-dar.”
- “Tajjeb għax jien l-iskola nħobbha ħafna.”
- “Tajba ħafna għax inkun ma’ ħbiebi u nitgħallem affarijiet ġodda.”
Spikka sentiment t’apprezzament lejn l-għalliema mit-tfal u meta mistoqsija x’jippreferu; jekk hux it-tagħlim fl-iskola jew online, il-maġġoranza tal-istudenti qalu li jippreferu jkunu fl-ambjent skolastiku għaliex b’hekk jieħdu l-massimu tal-esperjenza edukattiva.
It-tfal komplew jgħidu:
- “Hawnhekk l-iskola, għax nilgħab mal-ħbieb.”
- “Hawnhekk, għax fuq il-kompjuter ma tifhimx kollox.”
- “Nitgħallem l-iskola aħjar għax imbagħad nifhem aktar.”
- “L-iskola, għax nara l-ħbieb u t-teachers.”
- “L-iskola, għax nitgħallem aktar affarijiet.”
- “Hawnhekk l-iskola għax tinsa naqra fara ftit fuq il-laptop.”
Intant, student qalilna kif it-Tnejn ma kienx l-ewwel jum lura l-iskola; hekk kif fil-jiem tal-Ħamis u l-Ġimgħa l-għalliema tiegħu għamlet l-lezzjonijiet kif skedat, minkejja li kien ordnat strajk.
Huwa stqarr: “Għax it-teacher kienet ġiet il-Ħamis u l-Ġimgħa u xorta mort jien.”
Qabel ma daħlu fl-iskola l-istudenti ttieħditilhom it-temperatura filwaqt li għamlu s-sanitizer m’idhom bħala parti mill-miżuri biex tiġi assigurata saħħithom, saħħet l-edukaturi u l-ħaddiema tal-iskola kontra l-imxija.