L-ewwel stabbiliment ta’ Starbucks f’pajjiżna jinsab fil-Valletta Waterfront u Malta hija t-80 pajjiż li din il-kumpanija dinjija tinsab fih.
Fil-Valletta Waterfront il-Ġimgħa filgħaxija, il-Prim Ministru Dr. Joseph Muscat inawgura l-ewwel stabbiliment ta’ Starbucks f’pajjiżna hekk kif Malta saret it-tmenin pajjiż li Starbucks tinsab fih.
Id-dehra ta’ dan l-istabbiliment tilqak sa mid-daħla u f’indirizz li għamel qabel l-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru tkellem kif f’soċjetà kosmopolitana rridu noffru għadd ta’ servizzi.
Saħaq li dan l-investiment huwa parti minn strateġija ta’ pajjiż li jġib kumpaniji kbar joperaw f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru seta’ jara b’għajnejh il-magni tal-ogħla livell li bihom joperaw Starbucks u daq ukoll xi ftit kafè bnin.
Tkellem ukoll il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi li fisser kif dan l-investiment imur id f’id mal-istrateġija transitorja għat-turiżmu li qed tħares lejn iżjed żieda fit-turiżmu.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tad-DB Group li dan il-grupp flimkien ma’ James Caterers għamlu dan l-investiment u ġabu Starbucks f’pajjiżna, spjega kif dan l-investiment ma kienx wieħed faċli.
Ma’ dan l-istazzjon fisser l-isfidi iżda saħaq li Starbucks f’Malta għad trid tikber iżjed.
“Ninsabu kburin ħafna li rnexxielna nġibu din il-brand hawn Malta u naħseb anki fuq l-isfond ta’ Malta bħala pajjiż li jkollok brands ta’ dan it-tip ġo pajjiżna, naħseb jgħin ukoll inġenerali apparti li aħna nħossuna ferm onorużi li rnexxielna nġibu din il-brand hawn Malta.”