157 ristorant u stabbiliment qalu li huma lesti diġà li joperaw taħt il-protokolli li ħabbar il-Gvern b’rabta mal-ftuħ tal-istabbilimenti u r-ristoranti minn nhar il-Ġimgħa li ġej.
Dan żvelatu l-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli fil-ħin tal-mistoqsijiet fil-Parlament l-Erbgħa filgħaxija.
Hija qalet li għand l-Awtorità Maltija għat-Turiżmi daħlu mat-800 telefonata fejn ġiet spjegata l-informazzjoni meħtieġa.
Saħqet li aktar minn mija u ħamsin ristorant u kafetterija laqgħu dawn il-protokolli u talbu biex issirilhom spezzjoni mill-uffiċjali tal-MTA.
Intant hekk kif bdew l-ispezzjonijiet mill-MTA fir-ristoranti u l-istabbilimenti sabiex jingħatalhom iċ-ċertifikat li jistgħu jibdew joperaw, One News segwa mill-qrib waħda minn dawn l-ispezzjonijiet f’stabbiliment tal-ikel f’Tas-Sliema.
Fost oħrajn stajna nsegwu lill-uffiċjali jkejlu d-distanza bejn l-imwejjed u s-siġġijiet filwaqt li jaċċertaw li l-istabbilment kellu dak kollu li jitolbu l-protokolli stabbiliti.
L-uffiċjal tal-MTA Omar Xuereb spjegalna li mill-ispezzjonijiet kollha li saru sa issa jidher li ħafna mill-istabbilimenti huma mħejjija sew.
“Hawn min laqana b’idejh miftuħa u kienu preparatissimi. Fil-fatt konnha sorpriż jien u l-kollega tiegħi. Meta dħalna sibna li tlett kwarti tal-affarijiet li tlabna kienu diġà lesti. Għaliex? Għax kienu determinati li jiftħu.”
Fil-fatt is-Sur Xuereb spjega wkoll uħud mill-kriterji ewlenin li jridu jissodisfaw dawk li jixtiequ jiftħu l-bibien għall-pubbliku.
Kriterji li jridu jkunu segwiti sal-inqas dettall sabiex jingħata ċ-ċertifikat uffiċjali mill-MTA.
“L-importanti li malli jidħlu jsibu s-sanitiser ta’ idejhom tajjeb u jużawha. Importanti li jkun hemm front office qabel ma jidħlu fil-bieb jilqawhom, jippreparawhom lill-klijenti. Dan sabiex fl-aħħar mill aħħar ikunu safe. Kemm għall-istaff u kemm għall-klijenti. Importanti wkoll li jkun id-distanza bejn mejda u oħra. F’dan il-każ qed naraw li jkun hemm żewġ metri bejn iż-żewġ imwejjed u metru bejn is-siġġijiet.”
Xuereb semma wkoll l-importanza li l-impjegati tal-istabbilimenti jilbsu l-maskri u l-visors, jiddisinfettaw l-imwejjed, jagħmlu użu minn pakketti ta’ kondimenti li jintremew mal-ewwel u li jżommu l-ambjent nadif u diżinfettat.
Dan l-istazzjon tkellem ukoll mas-sid tal-istabbilliment li kien qed jiġi spezzjonat hekk kif spjega l-preparazzjoni f’dawn l-aħħar jumejn.
“Ilbieraħ bagħtulna email l-MTA. Kien hemm kollox spjegat perfett. Printjajna l-lista u bdejna naqtgħu waħda waħda. Bdejna nixtru l-visors umbgħad xtrajna mela u bżar, ketchup u mayoinasse tal-pakket minn dawn id-disposable umbgħad xtrajna l-aprons u bdejna naqtgħu mill-lista. Umbgħad meta konnha lesti ċempilnilhom aħna l-MTA u għidnilhom li lesti biex jagħmlu l-inspection.”