Is-Sibt filgħaxija mistenni jittella’ spettaklu ieħor ta’ nar pirotekniku bħala parti mill-Malta Fireworks Special ta’ din is-sena. F’din it-tielet serata ta’ dan il-festival l-ispettaklu ser ikun qed isir fil-Mellieħa, wara żewġ serati oħra, waħda f’Għawdex u l-oħra fl-Imqabba. Dan biex imbgħad il-festival jiġi fi tmiemu fl-20 ta’ Settembru bi spettaklu fil-Port il-Kbir.
Żorna lid-dilettanti tan-nar li kienu qed ilestu għall-ispettaklu ta’ għada u tkellimna ma’ Trevor Vella mill-għaqda tan-nar marija bambina tal-Mellieħa li hija waħda mill-għaqdiet li ser tieħu sehem fl-ispettaklu tal-Mellieħa. Huwa qalilna x’wieħed għandu jistenna fl-ispettaklu tas-sibt.
“Ser jintwerew diversi effetti pirotekniċi kif aħna magħrufin għalihom il-maltin, qsim tal-kulur, beraq, murtali bil-logħob u blalen ta’ qies differenti u ser ikun hemm ukoll diversi effetti minn mal-art.”
B’kollox fil-festival qed jieħdu sehem 29 fabbrika tan-nar u 45 assoċċjazzjoni tan-nar f’Malta u Għawdex. Vella stqarr kif attività bħal din hija t’għajnuna kbira lil għaqdiet tan-nar speċjalment fi żmien fejn minħabba l-pandemija l-opportunità ta’ ġbir ta’ fondi kienet waħda limitata.
“Aħna grati li m’għandniex kamra tan-nar u napprezzaw li li l-għaqdiet li m’għandhomx kamra tan-nar ukoll qed jingħataw din l-opportunità. U hija għajnuna wkoll għax bħalissa bħal ma kulħadd jaf attivitajiet ta’ fundraising mhux isiru. Allura attivita bħal din tgħin lil għaqdiet bħalna.”
Iċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia stqarr kif dan il-Festival kompla jtejjeb il-prodott turistiku malti tul dan ix-xahar. Il-Ministru għat-turiżmu Clayton Bartolo innota kif dan il-festival kien mhux biss mod ta’ kif ikunu mhejjuna l-kmamar u l-assoċjazzjonijiet tan-nar f’pajjiżna iżda avveniment li jhenni lil kull min iżur pajjiżna bi spettakli ta’ nar mill-isbaħ