Raġel Malti ġie arrestat mill-Pulizija wara ġirja bil-karozzi li bdiet minn Ħal Qormi u ntemmet f’Raħal Ġdid, dan filwaqt li Pulizija li kien off-duty spiċċa ttajjar waqt li kien fuq il-mutur għaddej mill-Marsa, bil-konsegwenza li sofra ġrieħi ħfief.
Kien għall-ħabta tas-7:00 ta’ dalgħodu li l-Pulizija kienet għaddejja bir-ronda tas-soltu f’Ħal Qormi meta lemħu lir-raġel li deher suspettuż. Ġara li r-raġel tela’ f’karozza, u beda jsuq biex jaħrab lill-Pulizija – liema raġel kien qed jiġi mfittex mill-Pulizija fuq diversi każijiet kriminali.
Minn hemm il-Pulizija bdiet issegwi lir-raġel fejn hu beda jsuq b’veloċità qawwija ħafna f’diversi toroq fil-Ħamrun u l-Marsa, b’ebda każ jekk it-toroq kinux one-way, b’periklu għal kull min kien fit-triq.
Mill-bidu l-Pulizija kienu bis-sireni mixgħula, dan sabiex jinfurmaw lir-raġel dwar il-preżenza tagħhom iżda dan ma tax każ.
Hekk kif kienu qed isegwuh, ir-raġel saq qrib iż-żona taċ-Ċentru tal-Immigranti fejn minn hemm kien għaddej Pulizija li kien off-duty u li kien fuq il-mutur tiegħu.
Ir-raġel li kien qed jaħrab mill-Pulizija, baqa’ jsuq għal fuq il-mutur bil-konsegwenza li laqat lill-Pulizija off-duty u baqa’ sejjer.
Minn hemm issejħet ambulanza fejn ħadet lill-Pulizija off-duty l-isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa fejn sarulu testijiet kif ukoll CT-Scan biex tiġi ddeterminata l-kundizzjoni tiegħu, fejn minn informazzjoni li kiseb ONE News il-kundizzjoni tal-Pulizija hija stabbli hekk kif sofra ġrieħi ħfief.
Intant il-Pulizija komplew isegwu lir-raġel, fejn baqa’ tiela lejn Raħal Ġdid.
Minn hemm il-Pulizija sparat tiri ta’ twissija fejn anke wara dan ir-raġel baqa’ jsuq, fejn għal diversi drabi tul it-triq anke ħabat fil-karozzi tal-Pulizija.
Minn hemm il-Pulizija sparaw tiri oħra sabiex iwaqqfu lill-akkużat fejn sparaw fir-roti tal-karozza, fejn minkejja dan, ir-raġel baqa’ jsuq fuq ir-rimmijiet tal-karozza.
Il-Pulizija kompliet issegwih fejn ġie ċċirkondat minn diversi karozzi u minn hemm twaqqaf u ġie arrestat.
Hu ttieħed fil-lock-up tal-Furjana fejn qed jinżamm arrestat.
Intant f’messaġġ fuq Facebook, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Byron Camilleri, qal kif f’jum bħal-lum wieħed japprezza aktar il-ħidma tal-Pulizija hekk kif huwa wieħed importanti u perikoluż.