Is-sewwieq tal-MotoGP Romano Fenati ġie kkundannat minn diversi esponenti u segwaċi tal-isport ta’ fuq żewġ roti wara li fit-tellieqa tal-Moto2 ilbieraħ, Fenati afas il-brejk tar-rivali tiegħu Stefano Manzi waqt battalja għall-pożizzjoni meta t-tnejn li huma kienu għaddejjin b’veloċita ta’ iżjed minn 200 kilometru fis-siegħa. Fortunatament Manzi ma waqax minn fuq il-mutur tiegħu. L-uffiċjali tat-tellieqa ħadu passi dixxiplinarji ħorox fil-konfront ta’ Fenati billi twaqqaf immedjatament mit-tellieqa u ingħata sospensjoni ta’ żewġ tlielaq.
Iżda jidher li din l-istorja mhux se tieqaf hawn, hekk kif is-sewwieq Alex Espargaro sostna li Fenati għandu jiġi sospiż mill-bqija tat-tlielaq li fadal fil-kampjonat ta’ din is-sena, mentri is-sewwieq Brittaniku Cal Crutchlow huwa tal-fehma li Fenati għandu jiġi mwaqqaf mill-isport għal ħajtu.
Fi stqarrija, it-tim ta’ Fenati il-Marinelli Snipers Team aċċetta is-sospensjoni immedjatament, sakemm ftit tal-ħin wara dan l-istess tim ħabbar li kienu keċċew lil Fenati.