Raħal Ġdid u l-Imsida huma żewġ lokalitajiet oħra li se jgawdu minn proġetti ambjentali favur ir-residenti; proġetti b’valur ta’ għaxar miljun ewro li tħabbru mill-Prim Ministru nhar it-Tlieta.
Dawn il-proġetti huma parti minn sittax-il proġett li se jkunu qed isiru f’Malta u Għawdex bħala parti milll-iskema ta’ Project Green Community Greening Grant.
Tkellimna mas-sindki ta’ dawn il-lokalitajiet li laqgħu din l-aħbar b’sodisfazzjon.
Is-Sindku ta’ Raħal Ġdid, Dominic Grima, spjega li Ġnien Mediterran se jkun qed ikopri spazju ta’ 21,000 metru kwadru viċin l-MCAST. Dan l-ispazju se jinbidel mill-qiegħ u se jolqot direttament b’mod pożittiv lil 18,000 persuna.
“F’żona minnhom pjanajna li ndaħħlu park għall-familja, fejn nagħmlu bankijiet u l-familja tiltaqa’ għall-pikniks u affarijiet ta’ rilassament. Ħsibna wkoll għal dawk li għandhom kelb, hekk kif se nżidu park għall-klieb. Dan il-proġett se jgawduh il-lokalitajiet tal-madwar, għax dan huwa wieħed mill-akbar pulmuni fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta, imma wkoll l-istudenti għax għandek 10,000 student tal-MCAST li jgħaddu ta’ kuljum minn hawn. Hawnhekk ġieli nara studenti jistudjaw għall-kwiet, u se jservi għall-kulħadd.”
Fl-Imsida, imbagħad, Pjazza Victor Denaro – li tinsab ħdejn l-iskola l-ġdida – se tinbidel f’waħda aktar ħadra u li telimina t-traffiku miż-żona. Is-Sindku tal-lokalità Margaret Baldacchino Cefai qalet li l-idea hi l-istudenti jibdew jużaw dan l-ispazju miftuħ bħala parti mill-vjaġġ edukattiv tagħhom.
“Dan il-proġett se jiġi mtejjeb u l-Pjazza se tiġi magħquda mal-iskola biex tiġi użata mit-tfal tal-iskola u mill-edukaturi kif ukoll mir-residenti. L-Imsida huwa post popolat ħafna u għandna bżonn ta’ spazji miftuħa u se tkun tista’ tintuża u titgawda aktar min-nies.”